​Carmen Sammut twiegħed “konsultazzjoni wiesgħa ma’ kulħadd”

Il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta Carmen Sammut qalet li se ssir konsultazzjoni wiesgħa ħafna ma’ kull min huwa involut fil-kumitat il-ġdid li twaqqaf mill-gvern għar-rappreżentanza fid-demokrazija. 
B’reazzjoni għal xi kritika dwar it-twaqqif ta’ dan il-kumitat, Carmen Sammut fuq Facebook wiegħdet li se ssir konsultazzjoni wiesgħa ma’ kulħadd, fosthom mal-partiti politiċi kollha, għaqdiet mhux-governattivi u għaqdiet akkademiċi. 
Semmiet kif il-grupp li twaqqaf huwa wieħed “intern u tekniku” biex jara l-aspetti legali u tekniċi qabel process ta’ konsultazzjoni li għandu l-għan biex iżid is-sehem tan-nisa fid-demokrazija ta’ Malta. 
Qalet li ħadd mhu se jitwarrab għax il-proċess konsultattiv se jkun wiesgħa. 
Iktar kmieni, l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għar-Riforma fis-settur pubbliku Karol Aquilina qal li sar jaf mill-Gazzetta tal-Gvern dwar it-twaqqif ta’ dan il-kumitat.
Il-PN semma kif il-membri appuntati huma kollha persuni qrib tal-Partit Laburista, u li dan ma jawgurax tajjeb għall-kumitat li jrid iżid ir-rappreżentanza demokratika fil-pajjiż.