Carmelo Abela ma jagħtix iktar dettalji dwar il-veranda tiegħu

John Pisani – MFTP

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ma tax iktar dettalji dwar il-veranda tiegħu għal mistoqsija parlamentari oħra li tressqet mid-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil.

Il-każ beda minn rapport ta’ The Sunday Times of Malta li fih jiġi allegati li x-xogħlijiet fuq il-veranda tal-Ministru, minn ħaddiema tal-Gvern waqt il-ħin tax-xogħol. Iktar tard fil-Parlament, il-Ministru Abela kien ippreżenta l-irċevuti għall-materjal li xtara u li kienu jammontaw għal ftit inqas minn €400.

Fil-Parlament, id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil mill-ġdid staqsa lill-Ministru Abela jekk f’dawn ix-xogħlijiet kienx applika għall-permess tad-Development Notification Order mal-Awtorità tal-Ippjanar. Staqsieh ukoll biex jippreżenta evidenza dokumentarja dwar dan.

Madankollu l-Ministru Carmelo Abela, fir-risposta tiegħu reġa’ irrefera lid-deputat Nazzjonalista għat-tweġiba parlamentari li kien ta’ għal mistoqsija parlamentari oħra dwar l-istess suġġett. Fiha kien qal li kien ippreżenta d-dokumenti meħtieġa u li ma kellu xejn aktar x’iżid ma’ dan.