Carmelo Abela jipparteċipa f’laqgħa straordinarja dwar l-immigrazzjoni

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela pparteċipa għal laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Ministri fi Brussell fejn saret diskussjoni dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni.
Ġiet diskussa wkoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri diġà maqbula fil-Kunsilli preċedenti, filwaqt li l-Ministri tal-Greċja u l-Italja taw rendikont tal-iżviluppi f’pajjiżhom bl-isfida tal-immigrazzjoni.
Apparti l-ħolqien ta’ hotspots ingħatat spjegazzjoni dwar il-miżuri biex jiġu rilokati f’pajjiżi oħra, l-immigranti li għandhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali.
Il-Ministru Carmelo Abela tkellem dwar l-isforzi meħtieġa biex jonqsu l-wasliet tal-immigranti fl-Ewropa biex il-pajjiżi ikunu f’pożizzjoni aħjar li jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Saħaq li din l-isfida mhix tal-Ewropa biss imma hija waħda dinjija.
Il-Ministru Abela qal li l-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni huwa opportunità eċċellenti biex l-Ewropa tidħol fi djalogu mal-pajjiżi Afrikani.

Ritratt: Kunsill Ewropew