Assassinju DCG: “M’għandekx tinqatel għal dak li temmen fih” – KNŻ

 

“Min elimina lil DCG għamel hekk għax qabillu” – Marlene Farrugia

Id-Deputat tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li llum għandna prova li dawk li eliminaw lil Daphne Carauna Galizia għamlu dan bi skop għax hekk jaqbillhom. Qal li l-qtil sar fi zmien propizju meta Daphne Caruana Galizia ma kinetx popolari kemm man-naħa tal-Gvern u ma dawk li mxew lill hinn minnha fl-aħħar ġimgħat. Hija appellat lil Gvern biex jagħmel investigazzjoni serja biex iserraħ moħħ dawk li m’għandhomx fiduċja kemm fil-Prim Ministru u lanqas fil-Kap tal-Oppożizzjoni.
"Qtil li jirrifletti fuq il-poplu" – Cacopardo
Iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li l-azzjoni tal-qtil “b’mod brutali” tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tirrifletti ruħha fuq il-pajjiż kollu.

Fi stqarrija l-partit ikkundanna bla riservi l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Qal li kien att kodard u infami li jirrifletti fuq pajjiż sħiħ. Saħaq li l-qtil jhedded is-sisien tal-libertà tal-espressjoni f’Malta.
Cacopardo temm jgħid li l-Mafja ma titkellimx bil-fjuri u qal li se jistenna u jara x’se jiġri u kemm “jinqabad min għamel dan l-att faħxi”.
Kundanna bla riżervi għall-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia -MDA
L-assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) ikkundannat bla riżervi l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-MDA qalet li temmen li Malta hija demokrazija u pajjiż ċivilizzat fejn il-libertà tal-espressjoni hija importantissima. Saħqet li huma biss il-Qrati li għandhom id-dritt jiċċensuraw xi tip ta’ abbuż ta’ din il-libertà peress li Malta huwa pajjiż fejn tirrenja l-istat tad-dritt.
L-MDA publikament esprimiet il-kondoljanzi tagħha lejn ir-raġel u l-familja tagħha.
"Att barbaru" – Il-Kamra tal-Avukati
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Avukati kkundannat bla ebda riserva "l-att barbaru illi seħħ aktar kmieni llum, bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia."
Il-Kamra saħqet li f’pajjiż ċivili bħal ta' Malta, atti ta’ dan it-tip mhumiex aċċettabbli u tistenna li jittieħdu dawk il-passi kollha skont il-liġi biex jiġi assigurat li ssir ġustizzja. 

"Il-pubbliku għandu jibqa' oġġettiv" – MHA
Il-Malta Humanist Association (MHA) ikkundannat l-assassinju tal-ġurnalista. L-assoċjazzjoni fakkret lill-pubbliku li d-dettajli tal-każ għadhom mhux magħrufa u għalhekk qalet li tħeġġeġ lill-pubbliku biex jibqa’ oġġettiv u unit.
Theddida għall-ġurnaliżmu – Standard Publications
Standard Publications uriet solidarjetà mal-familjam Caruana Galizia, u żiedet tgħid li l-qtil tagħha hu theddida għall-ġurnaliżmu, id-demokrazija u l-espressjoni ħielsa.
Id-dar ta' publikazzjoni temmet tawgura li l-ġustizzja togħla fuq kollox u min għamel dan l-att iħallas lura.
Attakk fuq kull min jaħdem fil-midja – Malta Youth Press
Il-Malta Youth Press ikkundannat dan il-qtil, u sostniet li huwa attakk fuq il-libertà tal-espressjoni, kull min jaħdem fil-midja u fuq id-demokrazija.
L-għaqda bagħtet il-kondoljanzi tagħha lill-familja Caruana Galizia.

L-ebda ġurnalist jew kwalunkwe ċittadin ieħor m’għandu jinqatel għal dak li jemmen fih." – KNŻ
Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ wassal is-sogħba tiegħu għall-mewt tal-ġurnalista u l-blogger, u sostna li ħadd m'għandu jinqatel għax jgħid dak li jemmen fih.
Il-kunsill qal li dak li ġara lbieraħ kien attakk terroristiku kontra s-soċjetà u kontra d-demokrazija, u appella lill-forzi politiċi biex ikunu responsabbli fi kliemhom u għemilhom u jikkoperaw flimkien.
"Nemmnu li bħala żgħażagħ u ċittadini ta’ dan il-pajjiż, soffrejna biżżejjed mill-feriti tal-passat u ma’ jistħoqqilniex inbatu aktar għal dawn il-firdiet politiċi", temm jgħid il-KNŻ.
Ritratt: Ian Noel Pace