Caritas tfakkar il-50 sena b’wirja ta’ arti

Read in English.

Dis-sena taħbat it-13-il edizzjoni ta’ esebizzjoni ta’ arti li minn sena għal sena ttella’ Caritas Malta b’risq l-istess entità.

Fl-isfond tal-50 sena mit-twaqqif tagħhaġew avviċinati numru kbir ta’ artisti biex jikkommemoraw dan l-anniversarju.

Il-wirja ta’ artisti rinomati u oħrajn, se tinkludi xogħlijiet versatili li jvarjaw minn kwadri taż-żejt, akkwarelli, inka, pastell, għal skulturi tal-bronż, ċeramika u terracotta.

Fost l-artisti rinomati, se jkun qed jesebixxi għall-ewwel darba artist li skopra t-talenti tiegħu waqt li kien qed isegwi programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas. Waqt dan il-vjaġġ tiegħu, l-arti kienet il-mezz li jesprimi biha l-emozzjonijiet tiegħu u se jkun qed itella’ erba’ biċċiet tal-arti li jispjegaw il-vjaġġ ta’ ħajtu.

’Il fuq minn 120 biċċa xogħol se jkunu inawgurati l-Ġimgħa 10 ta’ Mejju fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi fil-preżenza, fost oħrajn, tad-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt.

Mill-bejgħ tal-arti, l-artisti se jkunu qed jagħtu persentaġġ lura lil Caritas Malta b’risq is-servizzi li din l-entità tagħti lis-soċjetà mingħajr ħlas.

L-esebizzjoni tkun miftuħa għall-pubbliku s-Sibt 11 ta’ Mejju bejn id-9.00am u 12.00pm.

 Caritas Malta tirringrazzja lill-artisti u l-benefatturi kollha, lill-Isqfijiet, l-amministraturi  u l-istaff tal-Kurja tal-Arċisqof u wkoll lill-isponsor ewlieni Crosscraft li kien ta’ appogg biex din l-esebizzjoni setgħet tkun possibbli.