Caritas taħdem fuq każi ta’ ġenituri msawta minn uliedhom

Id-Direttur il-ġdid ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt qal li għadd ta’ adoloxxenti li jieħdu drogi sintetiċi għandhom problemi ta’ mġiba, fosthom il-vjolenza fuq il-ġenituri. Żied jgħid li l-Caritas se tkompli taħdem bil-qawwa fuq din il-problema serja.

Qal li dan ix-xogħol qed isir b’kollaborazzjoni kbira mal-Gvern u dalwaqt jibda l-bini ta’ dar speċjalizzata b’servizzi kemm residenzjali u out-patient għal dawn adoloxxenti.

F’intervista ma’ Sylvana Debono waqt il-programm Newsline fuq RTK, Anthony Gatt qal li fl-istess waqt Caritas se tkompli ssaħħaħ dak li toffri sa issa u toffri servizzi oħra permezz tal-professjonisti u l-voluntiera.

Ħażin li nillegalizzaw il-cannabis mhux mediċinali

Anthony Gatt sostna li l-Caritas se żżomm il-pożizzjoni tagħha u ssemma leħinha li ma hemm l-ebda valur fl-użu tal-kannabis għal dak li jissejjaħ użu rikrejattiv. Huwa qal li meta l-Caritas qieset kollox ikkonkludiet illi jekk isseħħ din il-legalizzazjoni  ikun ħazin. Huwa qal li ma hemm xejn rikrejattiv fl-użu tal-kannabis u li huwa pozittiv li fid-diskors pubbliku m’għadhiex tissemma l-kelma tar-rikreazzjoni fl-użu tal-kannabis, għax tista’ ssir iktar ħsara milli ġid.

Il-Caritas se tkompli titkellem f’isem min m’għandux vuċi

Qal li hemm bżonn li jissaħħaħ dak li diġà qed isir u l-Caritas għandha tkompli bl-advocacy tara aspett u tkun vuċi għal min m’għandux vuċi jew tgħinu jkollu vuċi.  Spjega li bħalma fi żmien Dun Victor Grech kien hemm il-Poverty Watch  – l-aspett tal-faqar hu xi ħaġa li l-Caritas dejjem tkellmet fuqu –  id-Direttur ta’ qablu fil-Caritas, Leonid Mc Kay ħadem ħafna fuq il-Minimum Budget for Living. Qal li dik il-ħidma hi importanti ħafna għas-soċjetà għax hemm faxex li qed ibatu minħabba l-faqar.

X’qal lill-Arċisqof?

Anthony Gatt semma li meta l-Arċisqof talbu biex jiltaqa’ miegħu biex jinnominah f’dil-ħatra, talbu jgħidu min hu f’kelma waħdu. Huwa jiddeskrivi lilu innifsu f’dan il-kliem. “Jiena ngħix fl-għarfien li ngawdi l-ħajja, jiena bniedem maħbub u speċjali f’għajnejn Alla u ngħix biex ħaddieħor jagħraf dan il-kobor fih.”

Min hu Anthony Gatt – id-Direttur ġdid tal-Caritas?

Anthony Gatt

Anthony Gatt ilu jaħdem il-Caritas għal 3 snin u ħadem fil-qasam tad-droga. Spjega li minbarra li hu psikologu, ħajtu kienet il-Caritas u s-servizz tar-riabilitazzjoni mid-droga. Huwa miżżewweġ u għandu ħamest itfal, erbat ibniet u tifel, b’etajiet bejn it-3 snin u l-14 il-sena.

Għandu 20 sena esperjenza jaħdem fil-qasam tal-għajnuna u qal li din l-esperjenza ħafna minnha hi fil-qasam tar-riabilitazzjoni tad-droga, fost l-oħrajn studja l-Kanada, ħadem mas-Sedqa, ħadem fil-privat fil-counselling u terapija u jagħti lekċers fl-Università.

Meta jsaqsuh kif ilaħħaq iwieġeb li fil-fatt ma jlaħħaqx imma titgħallem tagħti prijoritajiet. Qal li filwaqt li hu espert tal-bniedem kif jaħseb u kif iħossu, il-bniedem iġib ir-riżorsi miegħu biex jaħdem flimkien miegħu. Għalih hu xogħol ta’ sodisfazzjon u privileġġ kbir li tipparteċipa fil-fejqan ta’ persuna oħra u din il-persuna tagħraf is-sbuħija tagħha u ssib ir-riżorsi biex tikber.