Caritas Malta u l-kunsill lokali ta’ Ta’ Xbiex jaħdmu flimkien

Kollaborazzjoni bejn il-kunsill lokali ta’ Ta’ Xbiex u l-Caritas Malta wasslet biex l-entità tal-Knisja tieħu sehem f’konferenza internazzjonali dwar ir-rijabilitazzjoni mid-droga.
Il-kunsill lokali ta’ Ta’ Xbiex, bħala membru tal-European Cities Against Drugs, għandu kuntatti maċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fl-Italja, magħruf bħala San Patrignano.
Is-sena li għaddiet rappreżentanti tal-kunsill attendew għall-konferenza u żaru l-faċilitajiet ta’ dan iċ-ċentru Taljan.
Din is-sena, is-sindku Max Zammit stieden lill-pijunieri f’dan il-qasam tad-droga f’Malta biex huma wkoll igawdu minn din l-esperjenza siewja.
Id-direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay, irringrazzja lis-sindku u lill-kunsill lokali ta’ Ta’ Xbiex u qal li din hi biss il-bidu ta’ kollaborazzjoni bejn it-tnejn għall-ġid tas-soċjetà.