Caritas Malta tiġbor għall-vulnerabbli f’Aleppo

Caritas Malta qed titlob lil kull min jixtieq jgħin, sabiex jibgħat donazzjonijiet monetarji bil-għan li jinġabar fond għall-għajnuna lill-persuni l-aktar milquta mill-kunflitt f’Aleppo, is-Sirja.
Dan qed isir fuq talba min-naħa ta’ Caritas Internationalis.
Il-fondi se jintbagħtu lil Caritas Syria, li se tkun qed tużahom sabiex twaqqaf programm ta’ salvataġġ, u tmantni lil dawk li l-kunflitt ħadillhom kollox minn ħajjithom, minn dawk l-aktar għeżież, sal-aktar bżonnijiet biex wieħed jgħix diċenti.
Fost l-oħrajn, jekk il-fondi jkunu suffiċjenti, se jiġu investiti fl-edukazzjoni, fis-saħħa, ilbies u ikel u għajnuna psikoloġika lill-eluf ta’ tfal li se jibqgħu jġorru magħhom dil-ġerħa f’qalbhom, u f’moħħhom.
Il-Caritas Internationalis appellat lill-pajjiżi msieħba magħha, jiġifieri 147 mid-dinja kollha, sabiex iniedu din is-sistema ta’ ġbir.
Jekk trid tibgħat l-għajnuna tiegħek, Caritas Malta fetħet dawn il-kontijiet bankarji sabiex titfa’ d-donazzjoni tiegħek:
HSBC: 089-021513-051
BOV: 40023270071
APS: 10489011015
Tista’ wkoll tibgħat ċekk f’dan l-indirizz; Fond ta’ Emerġenza Aleppo, Caritas Malta, 5, Triq l-Iljun, Il-Furjana.