Caritas Malta tiġbor €97,000 għall-għajnuna fil-Filippini

Il-poplu Malti wieġeb bil-qalb għall-appell tal-Caritas Malta u ta €97,000 f'għajnuna għall-vittmi tat-tifun Haiyan fil-Filippini.

L-appell kien sar f'Novembru u l-flus se jingħaqdu mal-fondi miġbura mill-Caritas madwar id-dinja. Il-fondi se jservu biex tittaffa ftit it-tbatija kbira li għaddejjin minnha dawn in-nies.  Fost affarijiet u servizzi oħra, l-Caritas qed tipprovdi ikel, xorb, mediċini, tined, ħwejjeġ u kutri.

It-tifun Haiyan kien għamel ħerba sħiħa. Ħaddiema u voluntieri tal-Caritas minn diversi pajjiżi marru mill-ewwel il-Pakistan biex taw l-ewwel għajnuna.
Dan it-tifun ħalla 6,201 persuna mejta, 28,626 persuna midruba, 1,785 oħra mitlufa, 4 miljuni kellhom jitilqu djarhom u aktar minn miljun dar imfarrka. 

Hu stmat li l-ħsara li sofriet l-infrastruttura u l-agrikoltura tlaħħaq għal madwar €652 miljun.  It-tifun affettwa iktar minn 16-il miljun persuna mifruxa f’44 provinċja.
Caritas Malta qalet fi stqarrija li flimkien mal-Isqfijiet Maltin tirringrazzjaw mill-qalb lill-poplu Malti tal-ġenerożità li wera.