Caritas ma taqbilx mad-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis kif proposta fil-White Paper

Caritas Malta qalet li taqbel li għandu jkun hemm riforma fil-liġijiet dwar id-drogi u tapprezza l-inizjattiva li ħa l-Gvern fil-White Paper li qed tiġi ppubblikata. Minkejja dan, il-Caritas ma taqbilx mad-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis kif proposta fil-White Paper.
Fi stqarrija b’reazzjoni għat-tnedija tal-White Paper dwar ir-riformi fil-liġi tad-droga, il-Caritas qalet li l-mira tagħha dejjem kienet l- persuna umana u dak kollu li jista' jgħin fl-iżvilupp personali tagħha.
Saħqet li l-għan tar-riforma għandu jkun illi d-droga tibqa' titqies bħala ħaġa ħażina fiha nnfisha. Caritas qalet li taqbel li persuni li jinqabdu b'pussess ta' droga għall-użu personali għall-ewwel darba ma jiġux proċessati kriminalment, imma l-persuna jsirilha assessment minn Aġenziji ta' Riabilitazzjoni biex tingħatalhom kura u trattament skont il-ħtieġa.
Fl-istess waqt, Caritas temmen li t-traffikanti tad-droga għandhom jingħataw piena skont l-abbuż. Hija nsistiet fuq il-ħtieġa li jitwaqqaf il-Qorti tad-Droga biex il-proċessi kriminali ma jieħdux fit-tul u jsir assessment minn tim ta' persuni professjonali.