Caritas Bulgaria tittama li ż-żjara tal-Papa tiftaħ il-qlub

Caritas Bulgarija toffri diversi servizzi u għajnuna lil persuni vulnerabbli

Kemm fil-Bulgarija kif ukoll fil-Macedonia ta’ fuq li l-Papa Franġisku se jżur bejn  il-5 u s-7 ta’ dan ix-xahar hemm qgħad kbir, emigrazzjoni għolja, u problema kontinwa biex ikunu maniġġjati l-emigranti u r-refuġjati flimkien ma faqar kbir.

 Fil-Bulgarija, fejn il-Papa mistenni jagħmel żjara privata f’kamp tar-refuġjati f’Sofia hemm nuqqas ta’ qbil politiku fuq kwestjonijiet ta’ emigrazzjoni. Dawn bdew fl-2015 meta numru kbir ta’ Sirjani, Iraqini u oħrajn bdew jippruvaw jaslu fl-Ewropa ċentrali minn fuq l-art flok billi jaqsmu l-Mediterran.

Caritas Bulgaria qed tagħmel minn kollox biex tgħin lil dawk fil-bżonn – inkluż emigranti u refuġjati. Din il-fergħa lokali tagħmel parti minn Caritas Internationalis li hi l-id umanitarja tal-Knisja Kattolika.

Vanya Klecherova, direttur tal-komunikazzjoni ta’ Caritas Bulgaria qalet lil Vatican News li qed tittama li ż-żjara tal-Papa Franġisku tiftaħ il-qlub u trawwem is-solidarjetà. L-organiżazzjoni tagħha ilha għal dawn l-aħħar 25 sena taħdem biex jonqos il-faqar u tkun rispettata d-dinjità umana, permezz ta’ servizzi soċjali għal dawk fil-bżonn.

Hija spjegat li s-servizzi soċjali, dawk ta’ saħħa kif ukoll dawk edukattivi li tipprovdi l-Caritas, huma ndirizzati lejn l-anzjani, tfal, żgħażagħ b’diżabilità, tfal u żgħażagħ f’riskju, refuġjati, emigranti, nies li qed ifittxu ażil, nies bla dar u ommijiet weħidhom. “Is-sena li għaddiet Caritas għenet 5660 persuna fil-bżonn”.

L-anzjani

Klecherova qalet li fil-Bulgarija wieħed mill-gruppi ta’ nies l-aktar vulnerabbli huma l-anzjani li ħafna minnhom jgħixu fi rħula mwarrba u ma għandhom aċċess għal servizzi soċjali u ta’ saħħa li għandhom bżonn. Il-Caritas Bulgaria toffrilhom servizz tas-saħħa permezz ta’ tim ta’ professjonisti li jżuruhom fi djarhom jew f’Ċentru ta’ Matul il-Jum għal anzjani li huma weħidhom.

Nies bla dar

Grupp vulnerabbli ieħor huma dawk il-persuna bla dar li Caritas tipprovdilhom kenn f’diversi bliet u programmi ta’ għajnuna b’ikel, ħwejjeġ, servizzi mediċi u servizz ta’ pariri. “Lil dawn ngħinuhom ukoll ifittxu x-xogħol u biex jintegraw”, żiedet tgħid id-Direttur ta’ Caritas Bulgaria.

 Emigranti u Refuġjati  

Is-sena li għaddiet madwar 2,500 persuna fittxew ażil fil-Bulgaria. Minn dawn, 712 ngħataw protezzjoni internazzjonali.  Caritas tgħinhom jintegraw billi tgħallimhom il-lingwa tal-pajjiż, tgħinhom isibu xogħol, torgaizza laqgħat bejn kumpanniji u nies li qed ifittxu x-xogħol, tgħinhom biex isibu dar fejn joqgħodu jew akkomodazzjoni temporanja.

Hemm żewġ ċentri ta’ akkomodazzjoni temporanja fil-pajjiż u l-Caritas hi l-unika organiżazzjoni li tagħmel żjarat regolari lil nies li jgħixu f’dawn iċ-ċentri.

Tfal u Żgħażagħ f’riskju

Għat-tfal u żgħażagħ li jinsabu f’riskju Caritas Bulgaria torganizza diversi attivitajiet biex tgħinhom fl-edukazzjoni, partikolarment lil dawk li jgħixu fil-faqar u dawk ġejjin minn gruppi vulnerabbli. Hemm programmi għaż-żgħażagħ  u l-adoloxxenti biex jgħinuhom iż’ommu l-bogħod mid-droga u t-traffikar uman.

Għat-tfal u żgħażagħ b’diżabilità jkunu organizzati wkoll sessjonijiet ta’ terapija fosthom fiżjoterapija, psikoterapija, terapija tal-arti, tal-kliem u attivitajiet sepċjalizzati oħra.  Caritas toffri bosta servizzi wkoll għal single mothers.

Vanya Klecherova qalet li t-tittama li ż-żjara tal-Papa Franġisku u l-laqgħa li se jkollu mal-emigranti ġġib magħha spirtu ta’ merħba għar-refuġjati.

“Nittama li dan il-ġest tal-Papa juri lill-Bulgari kollha li aħna lkoll persuni vulnerabbli u għalhekk għandna ngħinu lil xulxin bħala nsara u poplu twajjeb. Dan hu l-uniku mod kif nistgħu nagħmlu dinja aħjar biex ngħixu fiha”.

Qalet li tixtieq li l-preżenza tal-Papa tmiss qalb il-poplu biex juri ħniena u jirrealizza li r-refuġjati huma nies vulnerabbli bħalna u li fosthom hemm xjuħ, morda, tfal bla ġenituri u anke persuni b’diżabilità kif hemm Bulgari wkoll.