“Carers imġiegħla jagħmlu xogħol ta’ infermiera”

Carers tal-kuntrattur fl-isptarijiet Maltin qed jiġu mġiegħla jagħmlu xogħol ta’ infermiera. Madanakollu  permezz ta’ Memorandum ta’ Ftehim li se jiġi ffirmat mal-General Workers’ Union il-ġimgħa d-dieħla, dawn il-carers se jkunu jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu xogħol li mhumiex imħarrġa għalih.

Kelliem għall-GWU Jeremy Camilleri kkonferma dan u spjega li grazzi għal dan il-ftehim, il-carers tal-kuntrattur li jaħdmu fl-isptarijiet, se jkunu jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu xogħol li ma jħossux li huma mħarrġa biżżejjed għalih. Il-ftehim jassigura wkoll li dawn jingħataw ħlas adekwat kif ukoll it-taħriġ neċessarju qabel jintbagħtu jagħmlu ċertu xogħol li hu ‘l barra mill-kapaċitajiet tagħhom.

“Carer minflok infermier ma’ persuni f’riskju ta’ suwiċidju”

Camilleri spjega kif bosta ħaddiema tal-kuntrattur, b’ħafna minnhom barranin, qed jiġu sfruttati fejn jidħol dak li jsejjħulu “Constant Watch”. Dan ifisser li pazjent, speċjalment persuni li jkunu f’riskju ta’ suwiċidju, ikollhom bżonn persuna magħhom matul il-ħinijiet kollha tal-ġurnata. Kompla jgħid kif minħabba n-numru ta’ każijiet simili, ma hemmx biżżejjed infermiera impjegati diretti fl-isptar biex jieħdu ħsieb ikopru l-ħinijiet kollha.

“Imġiegħla jqattgħu 2.5 sigħat brejk fl-istaff room”

Kawża ta’ dan, Camilleri kompla jgħid li qed jitqabbdu jagħmlu xogħol il-carers, li huma ħaddiema tal-kuntrattur. Dan minkejja li s’issa huma ma kinux imħarrġa jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol u lanqas ikkumpensati b’mod adekwat għar-responsabbiltà li jġib miegħu.

Il-Ministeru għas-Saħħa ma bagħat l-ebda risposta għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt li ntbagħtu fit-13 ta’ Jannar.