Carer tisraq min dar ta’ koppja anzjana

Carer li kienet tieħu ħsieb koppja anzjana sfat taħt probation wara li nstabet ħatja mill-Qorti li serqet lill-istess koppja u se titqiegħed taħt is-sorveljanza ta’ uffiċjal tal-probation għal perjodu ta’ tliet snin.

Il-Qorti ordnat li l-carer Rhian Żammit ta’ 30 sena tħallas lill-koppja minn San Pawl il-Baħar €20.000 bħala kumpens. Hija kienet ordnata tħallas ukoll €660.81 tal-ispejjeż tal-Qorti. Żammit ammettiet l-akkuża miġjuba kontriha.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li minkejja d-diffikultajiet li wieħed ikun għaddej minnhom fil-ħajja, dan ma għandux iwassal biex persuni innoċenti jbagħtu kawża ta’ dan, speċjalment jekk dawn ikunu persuni vulnerabbli u jistħoqqilhom aktar protezzjoni.

Dan intqal peress li l-koppja kienet anzjana u kienet tafda b’għajnejha magħluqa lil carer u kienu jħobbuha wkoll.