Cardona ma jagħtix dettalji dwar is-safar; Jeħodha kontra Busuttil

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ddefenda l-operat tiegħu u s-safar barra minn Malta, meta f’risposta lid-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil, qal li t-tkabbir bla preċedent fl-ekonomija nazzjonali u fl-għadd ta’ investimenti barranin ma jseħħux b’kumbinazzjoni u din il-ħidma kienet tirrikjedi numru ta’ żjarat barra minn Malta għal raġunijiet varji.
Il-Ministru kien ikkritikat meta tlieta miż-żjajjar tiegħu barra minn Malta, li għalihom qal li kienu sempliċiment Business Trips ħabtu ma’ tlielaq tal-Grand Prix.
Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil staqsa lilll-Ministru: 

  • x’kienet ir-raġuni taż-żjara li huwa għamel; 
  • ma’ min iltaqa’ waqt din iż-żjara; 
  • jekk kienx akkumpanjat minn uffiċjali tal-Gvern u/jew tal-Ministeru tiegħu u/jew entitajiet tal-Gvern għal din iż-żjara;
  • min ħallas għaż-żjara u jekk jistax jippreżenta l-irċevuti tal-ispejjeż tal-lukanda li qagħad fiha f’kull każ.

Il-Ministru rrisponda billi qal li dawn iż-żjarat servew għal laqgħat skedati bilaterali jew ma’ intraprendituri barranin li juru interess li jinvestu f’pajjiżna u allura biex jinġieb aktar investiment lejn xtutna.
Huwa qal li jibqa’ d-dmir tiegħu li jattira aktar investimenti lejn pajjiżna, bid-differenza tal-istess Busuttil li ż-żjarat tiegħu barra minn Malta jużahom partikolarment biex jagħmel ħsara lil pajjiżna.
Cardona temm jgħid li matul amministrazzjonijiet preċedenti tal-Partit Nazzjonalista, il-Parlament mhux biss kien imċaħħad minn tagħrif ta’ laqgħat simili, iżda lanqas kienu jingħataw l-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ Ministri u Prim Ministri.
Is-safar tal-Ministru Chris Cardona sewa lill-pajjiż kważi nofs miljun Ewro.