Cardona se jirreżenja minn MP

Luke Zerafa

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Laburista u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona se jirreżenja mill-kariga tiegħu bħala Membru Parlamentari.

Cardona qal lil Newsbook.com.mt li se jkun qed jirreżenja bħala MP imma li se jibqa’ jservi bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Cardona kien serva bħala l-Ministru għall-Ekonomija taħt il-PM Joseph Muscat. Però meta t-tmexxija tal-PL spiċċat f’idejn Robert Abela, Cardona spiċċa bla rwol fil-Kabinett.

Cardona mistenni jirreżenja għada.

Dejjem ħadem fl-interess tan-nies – PL

Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li “jrid iwassal ir-ringrazzjament tiegħu għall-ħidma li Dr Chris Cardona dejjem wettaq fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi u tan-nies li huwa jirrapreżenta.”

Il-PL ikkonferma li Cardona se jibqa’ jżomm il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.

Waqt il-kriżi politika ta’ Novembru li għadda, Cardona kien spiċċa jiġi interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Cardona ‘ssospenda’ lilu nnifsu imma mbagħad reġa’ okkupa l-kariga tiegħu ta’ Ministru wara li l-Pulizija ma ressqitx akkużi kontrih.

L-aħbar dwar ir-riżenja ta’ Cardona ntlaqgħet tajjeb mit-tifel tal-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia. Kiteb li issa kien imiss ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi u ta’ Joseph Muscat.

Chris Cardona to resign his seat in parliament. Next: Konrad Mizzi and Joseph Muscat.

Posted by Matthew Caruana Galizia on Wednesday, April 29, 2020

Chris Cardona ġie elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-1996. Minn dakinhar, dejjem ġie elett meta kkontesta l-elezzjonijiet ġenerali.

Wara li ġie elett Robert Abela bħala l-mexxej il-ġdid tal-PL f’Jannar, Cardona kien qal li se jkun qed jappoġġjah f’dan il-vjaġġ.

Għada filgħodu se jkun jum is-serħan il-moħħ. Jum illi fih se nkomplu naħdmu b’kontinwità li tkompli tibni fuq it-tajjeb…

Posted by Chris Cardona on Sunday, January 12, 2020