Cardona jippubblika l-ammont ta’ massage parlours f’Malta

Il-Ministru Chris Cardona ppubblika lista ta’ kemm hawn massage parlours f’Malta.

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li f’Malta ngħataw 196 liċenzja għal stabbilimenti għall-massage parlours. Spjega li minkejja li l-liġijiet Maltin ma jippermettux li ħanut jiġi rreġistrat taħt din il-kategorija, hemm kategoriji oħrajn li l-istabbilimenti tal-massaġġi jiġu rreġistrati fuqhom. Fisser li normalment dawn jiġu kklassifikati taħt it-tip “Attivitajiet ta’ trattament tas-sbuħija” jew taħt it-tip “Attivitajiet ta’ benesseri fiżiku”.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament wara mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo fejn staqsa lill-Ministru jgħid hemm massage parlours fil-lokalitajiet tal-Belt Valleta, Tas-Sliema, Paceville, San Ġiljan, San Ġwann, Birkirkara, ir-Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u f’Għawdex.

Għalkemm Vassallo staqsa kemm kienu qed joperaw fl-2015, 2016, 2017 u sa Mejju 2018, il-Ministru Cardona ppubblika l-informazzjoni għas-sena 2015 u 2016 minħabba li wara l-2016 ma kien hemm il-ħtieġa li jkollhom liċenzja speċifika.

Minn dawn joħroġ li l-Mosta kienet l-akbar lokalità bl-akbar ammont ta’ liċenzji b’33 liċenzja, segwita minn San Ġiljan (inkluż Paceville) b’31 liċenzja u Tas-Sliema bi 30 liċenzja. F’Għawdex hemm 25 liċenzja għall-ħwienet ta’ dan it-tip.

Il-mistoqsija parlamentari kienet oriġinarjament intalbet lill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia iżda Farrugia qal li mis-sena 2002 il-Pulizija ma baqgħetx responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi u għaldaqstant il-mistoqsija ma taqax taħt id-dekasateru tal-Ministeru għall-Intern. Kien għalhekk li talab lil Vassallo biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

ARA d-dettalji lokalità b’lokalità