Cardona fi żjarat “kunfidenzjali”

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-informazzjoni dwar iż-żjarat uffiċjali tal-Ministru Chris Cardona huma kunfidenzjali. Dawn iż-żjarat ħolqu kontroversja politika kbira minħabba li saru  f’weekends f’postijiet fejn kien hemm it-tiġrijiet tal-Formula 1 jew fi ġranet ta’ festa.

Għall-mistoqsijiet Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil, Joseph Muscat qal li l-pubblikazzjoni tad-dokumenti mitluba huma tal-Kabinett. Spjega li d-dokumenti u r-rekords tal-Kabinett, huma u dejjem kienu meqjusa ta’ natura kunfidenzjali u mhux għall-pubblikazzjoni. Fisser li dan dejjem sar skont il-liġijiet tal-pajjiż.

Meta ntalab jippubblika kopja tar-rapporti li l-Ministru ppreżenta lill-Uffiċċju tal-Kabinett dwar ix-xogħol imwettaq waqt l-istess ż-żjarat, Muscat wieġeb bl-istess mod.  Madanakollu ma weġibx dwar jekk awtorizzax iż-żjarat uffiċjali tal-Ministru Cardona waħdu barra l-pajjiż mill-2013 ‘il quddiem.