Car Free Day il-Ħadd 22 ta’ Settembru li ġej

Nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru, Malta se tingħaqad ma’ pajjiżi oħra minn madwar id-dinja fl-attività Car Free Day.

Din l-attività hija waħda simbolika bil-għan li tikber il-kuxjenza favur l-ambjent u l-kwalità tal-arja.

B’kollox huma 10 l-Kunsilli Lokali li kkwalifikaw u ngħataw għajnuna finanzjara ta’ €2,000 kull Kunsill.

Dawn huma Santa Venera, Ħad-Dingli, l-Kalkara, il-Mellieħa, Għajnsielem, Ħal-Lija, il-Floriana, il-Fgura, Ħ’Attard u l-Birgu.

Ingħaqdu wkoll 5 NGOs u b’kollox ġew sottomessi 20 proposta.

Dan bl-għajnuna ta’ Transport Malta u l-MEPA.

L-NGO’s li se jipparteċipaw huma Bicycling Advocacy Group, Friends of the Earth, l-Oratorju ta’ Don Bosco, Aniċi Band Club u Inspire.

Fil-foss tal-Imdina, il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat għadda d-dettalji tal-attività għal din is-sena.

Huwa sostna li l-konferenza saret fl-Imdina għaliex din il-lokalita’ hi ‘car free’ is-sena kollha.

Huwa qal li fost l-attivitajiet għal din is-sena se jkun hemm fun run, mixjiet u dawriet bir-roti, dgħajsa tal-pass u diskussjonijiet dwar il-kwalita’ tal-arja.

Fost it-toroq li partijiet minnhom se jingħalqu għat-traffiku u se jittellgħu ‘l attivitajiet hemm Triq il-Kbira San Ġużepp f’Santa Venera, parti minn Triq Hompesch fil-Fgura, Triq il-Parroċċa fil-Mellieħa, Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa fil-Birgu, Triq Giovanni Barbara f’Ħal-Lija.

Dakinhar tal-Car Free Day, Transport Malta se tkun qed torganizza dawra bir-roti li se titlaq minn Marsaskala.

It-tfal se jingħataw xi rigali b’materjal informattiv.