Car Free Day: Hemm bżonn t’użu aktar sensibbli tal-karozzi

Hekk kif illum saret il-Car Free Day, il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat sostna li din l-attività simbolika għandha sservi biex ikun hawn aktar kuxjenza għall-użu aktar sensibbli tal-karozzi biex jonqos l-impatt fuq il-kwalità tal-arja.

Dalghodu f’Pembroke, il-Ministru Leo Brincat iltaqa’ mal-parteċipanti tal-walkathon organizzata mill-Inspire. Intqal li kull kunsill lokali u kull għaqda mhux governattiva tħallew ħielsa għal kollox biex jużaw l-immaġinazzjoni u l-kreattività tagħhom biex iwasslu messaġġ favur il-bżonn ta’ arja aktar nadifa billi jintużaw anqas mezzi ta’ trasport li jniggżu.

Fost l-inizjattivi li saru kien hemm kompetizzjoni tal-fotografija dwar l-esperjenzi differenti tan-nies fl-użu tat-trasport pubbliku u mezzi oħra li ma jniggżux, fun run, mixjiet u dawriet bir-roti u anke diskussjonijiet għar-residenti dwar il-kwalità tal-arja u l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem f’xi lokalitajiet.

Ritratti: DOI – Martin Attard