Il-Kunsill Lokali tal-Belt b’miżuri pożittivi għal Car Free Day biex ma jżidx il-kaos

Aġġornata 17:58
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli qal li l-Kunsill Lokali tal-Belt għażel li ma jmurx għal miżuri negattivi preċiżament għax għada hi l-ewwel ġurnata tal-iskola. Spjega kif huma għażlu li jmorru għal miżuri pożittivi billi jippremjaw dawk il-persuni li ma jużawx karozza bi trasport b’xejn, b’lift b’xejn, bi skont fuq il-biljetti tal-lanċa, skont fuq l-entratura tal-mużewijiet u skont fuq biljetti taċ-ċinema.

Qal li l-Belt Valletta għażlet li tagħmel hekk għax huma konxju tal-kaos li se jkun hawn għada minħabba l-iskejjel. Żied jgħid ukoll li ma kellhomx għażla fuq id-data għax dik tingħażel mill-Unjoni Ewropea.

Għada f’5 lokalitajiet madwar Malta u f’madwar 2,000 lokalita oħra fl-Ewropa se tiġi organizzata l-Car Free Day.
Din is-sena se tkun it-13-il sena li fiha qed isir għarfien dwar l-użu sostenibbli tal-vetturi u kif ukoll titqajjem kuxjenza dwar l-ambjent ta’ madwarna.
Għalkemm bħal għada, ħafna jaħsbulu ftit aktar kmieni mis-soltu minħabba li eluf ta’ studenti se jerġgħu jirritornaw lura l-iskola, ħames lokalitajiet madwar Malta se jkunu qegħdin jieħdu sehem f’din l-attività ta’ għarfien.
Fil-fatt, Bormla, l-Imqabba, n-Naxxar, Ħal Qormi u l-Belt Valletta kollha se jkunu qegħdin jieħdu sehem b’modi differenti f’din il-ġurnata internazzjonali.
Għada s-sewwieqa jistgħu jħallu l-karozza pparkjata fil-park and ride tal-Furjana għal-ġurnata sħiħa b’xejn, u jaqbdu vann sal-Belt minflok jużaw il-karozza tagħhom.
Apparti minn hekk Triq Sant Anna fil-Furjana għada se tkun magħluqa għat-traffiku mid-9.30am sas-7.30pm.