Aġġornata: “Ċapċpu għal dan it-Titanic li qed jegħreq” – MEP dwar l-UE

L-Ewroparlamentari mill-grupp tal-Ewropa tan-Nazzjonijiet Ħielsa (ENF), Matteo Salvini, iddeskriva lill-Unjoni Ewropea bħala "titanic li qed jegħreq", u żied jgħid li kulħadd qed iċapċaplu huwa u jegħreq.
Dan kien wieħed mill-mumenti waqt il-plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu, fejn fost l-oħrajn tqajmu suġġetti bħall-bżonn għal bidla radikali fil-mentalità ta’ kif jitfassal il-baġit tal-Unjoni Ewropea, il-proċess tal-ispitzenkandidat, l-immigrazzjoni u l-valuri Kristjani tal-kontinent.
Il-mistieden għal dan ix-xahar kien il-Prim Ministru Kroat, Andrej Plenković, li tkellem dwar il-futur ta’ pajjiżu, li ilu msieħeb fl-UE 5 snin biss, fil-kuntest usa’ tal-futur tal-Unjoni kollha.
Fost l-oħrajn Plenković enfasizza li l-Brexit kienet deċiżjoni ħażina u li kixfet kemm l-UE ma kinitx qed tikkomunika man-nies.
Tkellem ukoll dwar il-vulnerabbiltà tal-Ewropa, espost mill-attakki terroristiċi li laqtugħa, u rrimarka li jridu jissaħħu l-fruntieri, iżda t-tisħiħ għandu jmur lil hinn.
Finalment qal ukll dwar ix-xewqa li l-Kroazja tidħol fix-Schengen u ż-Żona Ewro.
Madankollu spikkaw il-kontributi ta’ Matteo Salvini mill-grupp tal-Ewropa tan-Nazzjonijiet u l-Ħelsien (ENF), tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u dak taċ-Ċermen tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), Manfred Weber.
“Iċ-ċapċip li smajt hawn ġew qisu ċ-ċapċip lit-Titanic jegħreq” – Salvini
Kien skjett ħafna l-intervent ta’ Matteo Salvini mill-grupp ENF, li tkellem lejn l-aħħar, li qal li ċ-ċapċip tal-Ewroparlamentari lejn xi wħud li tkellmu favur ix-Schengen, iż-Żona Ewro u l-għajnuna lill-immigranti, kien qisu ċapċip lejn it-Titanic li qed jegħreq.
Beda billi wissa lill-PM Kroat biex jaħsibha darbtejn qabel idaħħal lill-Kroazja fix-Schengen u ż-Żona Ewro, u żied jgħid li minabba f’hekk, sontu, fl-Itaja daħlu mas-600,000 immigrant irregolari.
Salvini qal li l-Ewropa m’għamlet xejn quddiem dan, anzi qed tagħmel agħar meta tirrikonoxxi lill-migranti klimatiċi, jiġifieri dawk li jaħarbu mhux minħabba gwerer jew persekuzzjoni, iżda minħabba theddid mill-klima.
Żied jgħid li jistħi jaħseb f’Ewropa li qed taħsiba biex tħalli lit-Turkija tidħol fl-Unjoni, u qal li l-problema bħalissa mhix in-nazzjonaliżmu estrem, iżda t-terroriżmu Iżlamiku.
Iddeskriva lill-Unjoni bħala xi ħadd li jimmassara liż-żgħir u jitħabbeb mal-kbir, u temm l-intervent billi qal li għalih mhux il-banek jew l-immigranti jiġu l-ewwel, iżda t-Taljani.
Taqliba ta’ taħt fuq dwar kif isir il-baġit – Juncker
Juncker saħaq bi sforz li jkun hemm bida fil-mod kif isir il-baġit tal-UE, u qal li trid tinqaleb is-sistema sħiħa.
Irrimarka li d-diskussjonijiet iridu jinbidlu “mill-poeżija għar-realtà”, billi l-ewwel jiġi diskuss il-kontenut tal-baġit, imbagħad jingħataw iċ-ċifri, u mhux bil-maqlub kif, skontu, isir issa.
Juncker iddeskriva t-tfassil preżenti tal-baġit bħala “madmad”, u żied jgħid li b’dal-mod mhux se jintlaħqu x-xewqat tal-Unjoni.
Qal li ddejjaq jisma’ dibattiti fuq l-għanijiet tal-UE, jew li hemm bżonn baġit kbir mingħajr ma jiġu diskussi l-ambizzjonijiet. Hawnhekk tkellem dwar il-ħtieġa li jiġu ffrankati l-flus b’mod għaqli, mingħajr ma titnaqqas il-politika tal-koeżjoni, jiġifieri dik li tgħaqqad, u mhux tifred.
L- ispitzenkandidat
Suġġett ewlieni mqanqal huwa l-proċess tal-ispitzenkandidat, u jekk dan għandux ikun rikonoxxut uffiċajalment u mħaddem fl-elezzjoni tal-PE s-sena d-dieħla.
B’dal-proċess kien inħatar Juncker bħala President tal-Kummissjoni fl-2014, iżda mhu mniżżel fl-ebda trattat tal-Unjoni, u ħafna jqisuh xejn aktar minn ftehim b’teħida tal-idejn bejn il-mexxeja.
Skont is-sit Politico, huwa tal-mistħija li l-Unjoni, entità li tgħid li hi bbażata fuq id-demokrazija, m’għandha mniżżel imkien fis-sod dwar l-ispitzenkandidat.
It-trattati preżenti jitolbu lill-Kunsill biex jinnomina lill-Parlament president, u dan wara li jikkunsidraw ir-riżultat tal-elezzjonijiet. Id-dibattitu li għaddej bħalissa dwar l-ispitzenkandidat hu fil-fatt kif qed jittieħdu dawn il-kunsiderazzjonijiet.
Il-proċess tal-ispitzenkandidat jagħżel lill-President tal-Kummissjoni mill-aktar partit li jġib voti fil-PE, allura ħafna kkritikaw dal-proċess, għax għalihom b’dal-mod il-Parlament u l-Kunsill ma jkollhom ebda saħħa biex jagħżlu l-aħjar kandidat, iżda jħallu l-għażla għall-aktar partit li jkun ġab voti.
Min jaqbel mal-proċess, bħal Juncker, jemmen li l-kredibbiltà tal-Unjoni tiddepedi minn dal-proċess, għax joffri ċ-ċans li partiti politiċi li jridu idħlu fil-PE jagħżlu kandidati u dawn jiddibattu bejniethom, imagħad ir-rebbieħ ikun dak mill-partit li rebaħ l-aktar voti.
Iżda peress li dal-proċess mhu mniżżel imkien, m’hemmx xi jżomm lill-partiti milli ma jsegwuhx, u dan joħloq il-problema diskussa.
“F’kull villaġġ li tmur fl-UE ssib knisa jew kappella” – Weber
Meta tkellem Manfred Weber tal-PPE ffoka fuq lil-kburija nazzjonali, iżda enfasizza li wieħed għandu jmur lil hinn u jħoss il-kburija Ewropea.
Qal li kull fejn mar, anki f’villaġġi żgħar sab knisja jew kappella, u għalhekk sostna li l-wirt Kristjan hu fiċ-ċentrutal-identità Ewropea, u oqsma oħra, bħall-ekonomija, jiddependu minnu u minn xulxin.
Temm jgħid l jeħtieġ li tiġi protetta l-ħajja Ewropea billi tiġi preżervata l-fidi tagħha, li skontu hi l-wirt Kristjan.
U x'jaħsbu l-Ewroparlamentari Maltin dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea?
Għal dan id-dibattitu intervjenew erbgħa mis-sitt Ewroparlamentari Maltin.
L-MEP Laburista, Marlene Mizzi, sostniet li ċ-ċavetta għall-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea tinsab f'Ewropa li hi  kontabbli,  responsabbli u viżjonarja. Kompliet tgħid  li l-Ewropa li tara hi hi waħda li taħdem fl-interess taċ-ċittadini f'ambjent ta' valuri, fi ħdan ugwaljanza soċjali, prosperità ekonomika u paċi politika.
"Hija Ewropa li tappoġġja n-negozji, tipproteġi l-konsumaturi, tipprovdi sigurtà u serħan il-moħħ, u li toffri futur xieraq  liċ-ċittadini tagħha", temmet tgħid.
Min-naħa tagħha l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola rrimarkat li aħna l-ewwel ġenerazzjoni li ma niftakrux gwerer fl-Ewropa, u li hu essenzjali li ma nħallu lil ħadd jinsa dak li ġara u dak li għad jista' jiġri.
Żiedet tgħid li l-UE tinsa f'salib it-toroq, u għal dawn ir-raġunijiet l-Ewropa qatt ma tista' toqgħod kwieta meta d-drittijet fundamentali fl-Istati Membri jiġu mhedda. 
Irrimarkat li mingħajr il-valuri u l-libertajiet li fuqhom hu mibni l-Proġett Ewropew, iċ-ċittadini mhuma xejn. 
Temmet tgħid li mingħajrhom il-populiżmu u l-estremiżmi jirbħu żgur.
Imbagħad Francis Zammit Dimech enfasizza li l-futur tal-Ewropa jrid jibqa’ marbut mal-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, u dan jiġi assigurat billi l-poplu jitqiegħed l-ewwel, iżda fuq kollox tkellem dwar sezzjoni partikulari tal-popolazzjoni, jiġifieri ż-żgħażagħ.
Finalment, David Casa għafas fuq l-unità meta qal li l-għaqda bejn il-pajjiżi u aktar bejn iċ-ċittadini jassiguraw futur għall-Unjoni Ewropea.
"Id-dibattitu fuq x’tip ta’ Unjoni rridu huwa kruċjali. Jiena favur Unjoni Ewropea b’saħħita li tkun viċin iċ-ċittadini Ewropej – Unjoni li tifhem l-isfidi tan-nies u ma tirrikorrix għall-populiżmu. Flimkien, inkunu iżjed b’saħħitna", kienu r-rimarki finali tal-MEP Nazzjonalista.