Ċans ta’ titjira urġenti għall-Maltin fil-Libja

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jaf jorganizza titjira mill-ajruport militari ta’ Mitiga lejn Malta aktar tard illum.
Dan hekk kif fl-aħħar jiem u sigħat, il-Gvern Malti kompla bl-appelli tiegħu biex il-Maltin jitilqu mil-Libja.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li matul dan il-lejl, għall-ħabta tas-1:15am niżlet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, titjira tal-Medavia minn Mitiga.
Kelliem għall-Ministeru ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li t-titjira kienet waħda kummerċjali u abbord it-titjira kien hemm passiġġier wieħed biss li kien Malti.
Dalgħodu, il-Gvern Malti qed jagħmel kuntatt mal-Maltin li jinsabu l-Libja u jekk dawn jaċċettaw li jiġu Malta, illejla tiġi organizzata titjira oħra minn Mitiga, x’aktarx mil-linja tal-ajru Medavia kif ġara fil-jiem li għaddew.

Ritratt: Roberto Cassar