Ċans ta’ record deal għal band lokali fil-Beland

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li għall-ewwel darba l-festival ta’ Beland se jinkludi kuntest tal-mużika li se jservi bħala pjattaforma għall-bands ġodda biex jidħlu biċ-ċans li jirbħu record deal.
Waqt it-tnedija tal-programm uffiċjali ta’ dan il-festival li se jsir bejn il-5 u s-7 ta’ Lulju fiż-żona industrijali ta’ Bulebel fiż-Żejtun, il-Ministru Bonnici saħaq dwar l-impenn tal-Gvern li jgħin l-arti u l-kultura f’kull forma tagħha. 
Fakkar kif il-Beland Music Festival huwa wieħed minn ħdax-il organizzazzjoni li bbenefikaw minn ftehim kulturali flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti.
Qal li dan isir permezz ta’ għajnuna finanzjarja mifruxa fuq tliet snin, bil-għan li jolqot aspetti kulturali differenti.
Il-Ministru Bonnici tkellem dwar kif l-arti u l-kultura qed jgħinu fil-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku.
Qal li huwa tajjeb li din l-għajnuna tingħata wkoll fil-komunitajiet lokali.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech