Ċans ta’ mewta għal kull 75 każ tal-coronavirus fil-ġimgħat li ġejjin – MAM

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) sostniet li skont ma ġara bejn Marzu u Ġunju, wieħed jista’ jipprevedi li se jkun hemm mewta għal kull 75 każ fi żmien erba’ u sitt ġimgħat.

L-Assoċjazzjoni qalet dan hekk kif il-każi tal-coronavirus fil-pajjiż jidher li tilgħin b’mod rapidu. Propju lbieraħ nstabu total ta’ 54 każ ġdid tal-coronavirus fil-pajjiż.  Fi stqarrija, il-MAM qalet li n-numru tal-każi tal-coronavirus qed jiżdidu b’mod allarmanti hekk kif parties u avvenimenti tal-massa baqgħu jitħallew isiru.

Spjegat kif ir-rapport tal-każi relatati ma’ cluster li ġej minn party tal-preċett juri biċ-ċar li attivitajiet normali li huma soċjali, inkluż ċelebrazzjonijiet fil-familji, jippreżentaw riskju bħal kwalunkwe tip ta’ avveniment tal-massa ta’ aktar minn 10 persuni.

Kompliet tgħid kif ġurnalist Taljan tella’ ritratti fuq il-midja soċjali li juru persuni fi clubs f’Paceville mingħajr ma kienu lebsin maskri u mingħajr ma kien hemm distanza soċjali. Spjegat kif kien hemm aktar parties li għalihom attendew mijiet ta’ persuni matul il-weekend li għadda. Sostniet li ma kien hemm prattikament l-ebda preżenza ta’ persuni li jinfurzaw il-liġi u l-ordni. Qalet li kien hemm folol kbar ta’ persuni rrappurtati Kemmuna u Marsaxlokk. Intant, il-vapuri tal-Gozo Channel kienu mimlijin persuni li ma kinux lebsin il-maskri.

L-assoċjazzjoni rrimarkat li dan mhux il-mod kif wieħed jikkontrolla epidemija iżda kif wieħed jinkoraġġi l-firxa aktar meta l-R-factor (ir-rata tal-firxa) telgħet issa madwar 2.0.

“L-argument ċiniku li ma kienx hemm persuni li mietu minn Ġunju ma jistax jiġġustifika l-promozzjoni tal-idea tan-normalità. Evidenza xjentifika turi b’mod ċar li l-ogħla rata ta’ ammissjonijiet għall-kura intensiva u mwiet jiġru bejn tlieta u sitt ġimgħat wara li sseħħ l-ogħla rata ta’ każi ġodda. Mhux etiku li ma tipprevjenix l-imwiet qalb persuni anzjani u dawk vulnerabbli b’mod effettiv u f’waqtu skont il-miżuri tas-saħħa pubblika,” insistiet l-assoċjazzjoni.

Il-MAM ikkundannat ukoll sessjoni tal-midja li sostniet li “b’mod irresponsabbli” assigurat lis-segwaċi tagħha li Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ każi fil-pajjiż mingħajr ma rranġat il-figuri biex jirriflettu l-popolazzjoni. Qalet li fil-verità in-numru ta’ każi ġodda kuljum għal kull 1,000 persuna fil-popolazzjoni tela’ fost l-ogħla fl-Ewropa li wasslet lis-CDC fl-Istati Uniti biex tikkunsidra lil Malta bħala destinazzjoni ta’ riskju ogħli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn