Ċans ta’ ħajja fuq Venere

Xjentisti iddikjaraw li sħab li hemm madwar il-pjaneta Venere (Venus) huma magħmulin minn gass li possibilment huwa riżultat tal-preżenza ta’ ħajja fuq il-pjaneta. 

Filwaqt li r-riċerkaturi qalu li ma skoprew l-ebda forma ta’ ħajja, spjegaw li l-gas huwa possibilment riżultat tal-preżenza ta’ mikrobi li normalment jgħixu f’ambjenti fejn m’hemmx ossiġnu. It-tim internazzjonali ta’ xjentisti għamlu din l-iskoperta permezz tas-sit ta’ osservazzjoni astronomika fil-Hawaii u kienet ikkonfermata minn ċentru ieħor fiċ-Ċili, li hu mgħammar b’teleskopju ta’ preċiżjoni kbira. 

Jane Greaves, mill-Università ta’ Wales, li mexxiet dan l-istudju, qalet li kienet pjuttost sorpriża b’din l-iskoperta. 

Il-kwistjoni tal-ħajja fuq pjaneti oħra minbarra d-dinja dejjem kien suġġett li jqanqal interess fost il-komunitajiet xjentifiċi. L-Istitut Teknolġiku ta’ Massachusetts qal li l-informazzjoni li teżisti sa issa, tindika li l-unika raġuni għall-preżenza ta’ dan il-gass hija li fuq Venus hemm forma ta’ ħajja.