​Ċans sa għada biex tara l-wirjiet tas-CPD

Għandek ċans sa għada biex tattendi għall-open weekend tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD).
Mijiet ta’ familji diġà attendew għall-attività fejn kellhom l-opportunità jaraw diversi wirjiet.
Fi stqarrija, l-Uffiċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-attività kienet parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018.
Matul il-jum kollu, tfal u adulti kellhom l-opportunità li jaraw wirjiet ta’ tifi tan-nar, wirjiet tal-klieb, wirjiet bil-ħbula, simulazzjoni ta’ inċidenti tat-traffiku, u wirjiet statiċi bil-vetturi.
Kien hemm ukoll uħud mit-22 fire engine ġdida li nxtraw f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Il-wirjiet kienu kontinwi u fihom kienu involuti t-taqsimiet kollha tal-Protezzjoni Ċivili. Fost oħrajn, kien hemm salvataġġ ta’ persuni minn tifrik ta’ karozza bl-għajnuna ta’ għaqdiet volontarji bħala paramediċi, tifi ta’ nar industrijali, wirjiet mis-Sezzjoni Marittima b’simulazzjoni ta’ tixrid ta’ kimika fejn intwera l-proċess tad-decontamination shower u l-prekawzjonijiet meħtieġa, kif ukoll wirjiet mit-taqsima tal-USAR.
Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju, b’diversi attivitajiet maħsuba biex tkun rikonoxxuta l-ħidma tal-uffiċjali pubbliċi.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott