​Ċans lil Bannister sal-aħħar tal-ġimgħa

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa talab liċ-Ċerpersin tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joe Bannister biex jirrevoka l-liċenzja tal-Bank Pilatus.
F’ittra mibgħuta lil Bannister, Casa jgħidlu li qed jistenna risposta mingħandu sal-aħħar tal-ġimgħa. Saħaq li jekk Bannister ma jagħmilx dak li qed jitolbu, huwa se jirrapporta l-Bank lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Awtorità Ewropea tal-Banek.
Fl-ittra, Casa jispjega li bħala ċerpersin tal-MFSA, Bannister kien jaf bir-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (l-FIAU) li semma lil Bank Pilatus f’mhux inqas minn tliet rapporti.
Casa kiteb ukoll li l-istess bank jissemma fir-riżoluzzjoni li l-Parlament Ewropew għadda b’maġġoranza kbira bi kritika ħarxa kontra l-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Casa stqarr li l-preżenza tal-Bank f’Malta hija theddida għas-settur finanzjarju sħiħ.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista stqarr li jifhem il-pressjoni politika li hemm fuq Bannister, speċjalment għaliex skontu dan huwa l-bank preferut taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri biex jaħsel il-flus.