Ċans li żżur 18-il mużew u sit storiku b’xejn

Min għandu għal qalbu l-wirt kulturali u storiku, nhar il-Ħadd li ġej l-1 ta’ Frar se jkollu xalata ta' fejn jista' jmur għaliex il-mużewijiet u l-postijiet kollha ta’ Heritage Malta se jkunu miftuħa b’xejn għall-pubbliku.
Dan fl-okkażjoni tal-ġimgħa ddedikata lis-Servizz Pubbliku.
L-uniċi postijiet li mhux se jkunu inklużi f’din l-inizjattiva huma l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni minħabba s-sensittività tas-sit u t-tempji ta’ Skorba u Ta’ Ħaġrat.
Is-siti li se jkunu miftuħa f’Malta huma: Il-Katakombi ta’ San Pawl, id-Domvs Romana (Rabat), il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali (Mdina), il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, l-Armerija tal-Palazz u s-Swali Statali (Valletta), il-Mużew Marittimu ta’ Malta, il-Palazz tal-Inkwiżitur (Birgu), Għar Dalam (Birżebbuġa), it-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra (Qrendi) u t-Tempji ta’ Ħal Tarxien (Tarxien).
F’Għawdex se jkunu miftuħa b’xejn: Il-Mużew tal-Arkejoloġija, Il-Mużew tal-Folklor, il-Mużew tan-Natura, il-Ħabs l-Antik (Ċittadella, Rabat), it-tempji tal-Ġgantija u l-Mitħna Ta’ Kola (Xagħra).
Waqt din l-Open Day, se jkun hemm ukoll il-wirja “L-inkwiżizzjoni Rumana f’Malta” li qed tittella’ fil-Palazz tal-Inkwizitur.
Din se tkun ukoll l-aħħar okkazjoni biex wieħed ikun jista’ jara il-wirja “Malta, the great story of a small island-nation through 100 objects” li qed titella’ fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mill-websajt www.heritagemalta.org