Ċans li vaċċin Amerikan jitqassam qabel l-Elezzjoni Presidenzjali f’Novembru

FILE PHOTO: REUTERS/Dado Ruvic/Illustration

Read in English.

Iċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard fl-Istati Uniti informa lill-uffiċjali tas-saħħa tal-50 stat Amerikan li l-vaċċin se jkun lest għad-distribuzzjoni sal-1 ta’ Novembru.

Din id-dikjarazzjoni qanqlet tħassib fost l-Amerikani hekk kif id-data tat-tqassim tal-vaċċin taħbat ftit jiem qabel l-elezzjonijiet Presidenzjali. 

L-istazzjoni Ingliż BBC qal li x-xahar li għadda kien hemm tliet dokumenti li kienu qed jindikaw ix-xenarji dwar il-mod li bih se jitqassam il-vaċċin fost il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, dawk ‘il fuq minn 65 sena u l-komunitajiet li huma f’riskju li jiġu infettati. 

Ma kien hemm ebda indikazzjoni dwar liema vaċċini se jkunu lesti. Bħalissa hemm numru ta’ vaċċini li qed jiġu ttestjati, u li jinsabu fl-aħħar fażi tat-testijiet tagħhom. 

L-espert ewlieni Amerikan Dr Anthony Fauci qal li l-vaċċin se jkun jista’ jibda jitqassam, fil-mument li r-riżultati jkunu pożittivi. Madanakollu esperti oħra qed jibżgħu li hemm interferenza politika f’din id-deċiżjoni.