Ċans li Trump iħalli x-shutdown tal-Gvern għaddej sa Jannar

A sign declares the National Archive is closed due to a partial federal government shutdown in Washington, U.S., December 22, 2018. REUTERS/Joshua Roberts

Iċ-Chief of Staff tal-President tal-Istati Uniti qal li x-shutdown parzjali li ħa l-Gvern fl-Istati Uniti mistenni jibqa’ sejjer sat-3 ta’ Jannar, meta jiltaqa’ l-kungress il-ġdid u d-Demokratiċi jieħdu f’idejhom il-House of Representatives.

Ma’ Fox News, Mick Mulvaney qal li hija possibbli ħafna li x-shutdown jibqa’ għaddej wara t-28 ta’ Diċembru u sostna li mhux se jkun hemm xi ħidma kbira mill-Gvern fil-jiem li ġejjin. Mulvaney ħa l-kariga temporanja ta’ Chief of Staff tal-President Trump 10 tijiem ilu.

Is-Senat tal-Istati Uniti ġie aġġornat is-Sibt, mingħajr ma rnexxielu jwaqqaf l-impass ta’ Trump li qed jitlob għal aktar fondi biex jibni l-ħajt mal-fruntiera tal-Messiku, li d-Demokratiċi jidher li mhux qed jaċċettaw.

Mulvaney qal li l-White House għamlet offerta lid-Demokratiċi sabiex tagħti fondi li bihom tista’ tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntiera li tinsab x’imkien bejn il-$1.3 biljun li offrew id-Demokratiċi u t-talba ta’ Trump għal $5 biljuni.