Aġġornata: Il-vot dwar Brexit pospost; dibattitu jaħraq fil-Parlament

Il-Prim Ministru Theresa May ħabbret lill-Membri Parlamentari li se tkun qed tipposponi l-vot tal-ftehim dwar Brexit hekk kif kienet ċerta li dan kien se jirċievi vot ta’ sfiduċja. Dan qanqal rabja fost għadd ta’ MPs, bil-mexxej tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn jgħid li l-Gvern kien f’koas totali.

May spjegat li wara li għamlet tliet ijiem tisma’ d-dibattiti dwar il-ftehim xtaqet li tirrispondi għall-punti li qed jinkwetaw lill-poplu dwar il-ftehim tal-fruntiera Irlandiża. Qalet li kienet kunfidenti li tirċievi “assigurazzjonijiet” mill-Unjoni Ewropea dwar il-fruntiera tat-Tramuntana tal-Irlanda.

Għadd ta’ Membri Parlamentari rreaġġixxew b’rabja għal kliemha u l-mexxej tal-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn qal li May tilfet il-kontroll dwar kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni.

WATCH LIVE: PM Theresa May gives a statement to the House of Commons.

Posted by UK Prime Minister on Monday, December 10, 2018

Fil-House of Commons spjegat li t-tibdiliet fil-fruntiera Irlandiża għandhom isiru wara Brexit u mhux sempliċiment bir-retorika. May se tirritorna Brussell sabiex tiddiskuti xi tħassib u tfittex assigurazzjoni mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li l-miżuri ta’ rimedju ma jkunux permanenti. Hi insistiet li trid li Brexit iseħħ imma li dan għandu jseħħ “sew”.

“Jekk il-PM ma’ tistax toħroġ bi ftehim aħjar mela għandha twarrab”

Il-mexxej tal-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn qal lill-Prim Ministru li s-sitwazzjoni kixfet nuqqas ta’ ftehim kbir fi ħdan il-Gvern. Qal li l-ftehim se jtappan l-ekonomija u li l-analiżi tal-Gvern turi li r-Renju Unit se jispiċċa agħar milli kien. Corbyn qal lil May li sakemm hi ma terġax tinnegozja l-ftehim, għandha twarrab.

Il-valur tal-Lira Sterlina waqa’ għall-aktar valur baxx fl-aħħar 18-il xahar meta mqabell mad-dollaru. Il-valur waqa’ wara li tħabbar li l-vot ġie pospost. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qalet li r-Renju Unit jista’ jikkanċella Brexit jekk il-pajjiż ikun jixtieq. L-Ispiker John Bercow talab lill-Gvern biex jagħti vot lill-MPs biex jiddeċiedu huma jekk għandux jiġi sospiż il-vot dwar Brexit. Madanakollu, din it-talba ma ntalqgħetx mill-Gvern Ingliż.

Meta se jittieħed il-vot?

Theresa May irrifjutat li tgħid meta l-Parlament se jkun qed jivvota fuq il-ftehim – qalet li dan ikun jiddependi kemm idumu sejrin in-negozjati mal-UE.

Għadd ta’ MPs talbu biex il-vot isir qabel il-Milied. May qalet biss li l-ħin tal-għeluq għall-vot kien fil-21 ta’ Jannar. Fi kliem May, il-ġurnata tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE kien id-29 ta’ Marzu tal-2019.

L-MP favur li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE Justine Greening qalet li tispera li l-Prim Ministru ma kinetx se tistenna t-28 ta’ Marzu jasal qabel ma tieħu vot.

X’qed tgħid l-UE?

L-UE diġà qablet mal-ftehim ta’ May – però dan għandu bżonn l-appoġġ tal-Parlament tar-Renju Unit jekk dan se jsir liġi.

May diġà kienet qed titkellem ma’ xi mexxejja tal-UE dwar il-ftuħ tal-ftehim għal darb’oħra. Din hi xi ħaġa li ż-żewġ naħat diġà qalu li mhux se ssir.

Il-kelliema għall-Kummissjoni Ewropea Mina Andreeva qalet li l-UE mhux se tkun qed terġa’ tinnegozja il-ftehim (Withdrawal Agreement). Irreferiet għall-kliem tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker li qal li dan kien l-aħjar ftehim u l-unika ftehim possibbli.