Ċans li t-tfal jitilgħu fuq mutur tal-Pulizija

It-tfal li għada se jkunu fi Pjazza Ħelsien il-Belt Valletta se jkollhom l-opportunità li jirkbu fuq iż-żwiemel tal-Kavallerija u fuq mutur tal-Pulizija tat-Traffiku.

Dan hekk kif għal sajf ieħor, il-Korp tal-Pulizija ħejja numru ta’ attivitajiet biex flimkien mal-pubbliku jiċċelebra Jum il-Pulizija 2018.

Fi Pjazza Ħelsien għada se jsir kunċert mill-Banda tal-Pulizija, wirjiet mill-Precision Drill Team u s-sezzjoni tal-Klieb, kif ukoll wirja ta’ vetturi antiki u moderni użati mill-Pulizija.

Fil-jiem ta’ wara, se jittellgħu kunċerti u wirjiet simili f’diversi lokalitajiet:

5 ta’ Lulju            Wied il-Għajn

6 ta’ Lulju            Tas-Sliema

13 ta’ Lulju          Buġibba

16 ta’ Lulju          Marsalforn

L-attivitajiet f’dawn il-lokalitajiet se jibdew fit-8.30pm, ħlief f’Għawdex li tibda fis-7.30pm.

Barra minn hekk, il-Ħadd 8 ta’ Lulju se tiġi ċċelebrata quddiesa fil-Kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fid-9am. Wara jsir it-tqegħid ta’ kuruni fuq il-qabar tal-Korp.

Fit-12 ta’ Lulju fid-9am se ssir open day fil-Kwartieri tal-Pulizija fil-Furjana.

Is-Sibt 14 ta’ Lulju fi 8.30pm se ssir parata mill-Gwardja tal-Unur f’Misraħ San Ġwann fil-Belt Valletta u jindaqq l-Innu Nazzjonali. Iċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu fid-9am xħin tibda quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.