Ċans li ma jsirux l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika fis-Sekondarja – MUT

L-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) qalet li hemm possibilità li l-eżamijiet ta’ nofs is-sena ma jsirux fis-Senior Schools (skejjel sekondarji) minħabba direttivi li l-istess unjin ħarġet għall-għalliema tal-Malti u l-Matematika.

Ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-MUT qal li l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema tal-Malti u l-Matematika għadha ma ssolvietx “bl-għalliema preżenti ħafna drabi jirċievu struzzjonijiet sabiex jgħallmu aktar minn kemm hemm stipulat”. Spjega li dan ifisser li d-direttivi tal-MUT għadhom fis-seħħ.

Skont l-MUT, l-iskejjel medji tal-istat (dawk li qabel kienu jissejħu Form 1 u 2) m’għandhomx eżamijiet ta’ nofs is-sena filwaqt li hemm varjazzjoni fl-iskejjel tal-Knisja. Fl-iskejjel tal-Knisja hemm min għandu eżamijiet ta’ nofs is-sena u hemm min le.

Fi kliem l-MUT, il-karti tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena fis-Senior Schools (dawk li qabel kienu Forms 3, 4, 5) mhux se jsiru jew jiġu kkoreġuti mill-għalliema u għaldaqstant hemm il-possibilità li l-eżamijiet ma jsirux.

Skont il-unjin, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ma ġie bl-ebda proposta sabiex tissolva l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema f’dawn is-suġġetti.  Qal li l-Ministeru qatt m’għamel proġezzjonijiet biex jara kif se tkun is-sitwazzjoni fis-snin li ġejjin u li l-immaniġġjar tar-riżorsi umani qed issir fl-għama. Qal ukoll li jidher li ma hemmx strateġija biex żgħażagħ jiġu attirati lejn it-tagħlim tal-Malti u l-Matematika.

Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali Justin Schembri kien qal fuq Facebook li hemm il-possibilità li eluf ta’ studenti jiġu affettwati fi Frar.

Schembri qal ma’ Newsbook.com.mt li jista’ jkun li l-Gvern isolvi din il-kwistjoni billi jipprovdi karti tal-eżamijiet li ma jkunux saru mill-għalliema tal-Malti u tal-Matematika.

Il-kelliem tal-MUT qal li l-eżamijiet ta’ nofs is-sena qed jinqatgħu wara li daħal l-assessjar kontinwu.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni kien għadu ma weġibx il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.