Ċans li Liverpool jieħdu l-league mingħajr ma jerġgħu jmissu ballun

Liverpool għandhom iċ-ċans li jkunu nkurunati bħala r-rebbieħa tal-Premier League għall-ewwel darba fi 30 sena, mingħajr ma jerġgħu jixxutjaw ballun. Dan wara li l-weekend li għadda kellhom riżultati sbieh.

Liverpool irnexxielhom jirbħu bl-iskor minimu ta’ 2-1 kontra Bournemouth nhar is-Sibt. Fl-istess ħin, ir-rivali tagħhom Manchester City spiċċaw tilfu bl-iskor ta’ 2-0 fid-derby kontra Manchester United. Dan ifisser li t-tim ta’ Jurgen Klopp qiegħed 25 punt ‘l fuq fil-quċċata tal-klassifika b’disa’ logħbiet biss x’jintlagħbu.

Jista’ iżda li Liverpool jiġu nkurunati mill-ġimgħħa d-dieħla, jekk City jerġgħu jitilfu logħba oħra.

It-tim ta’ Guardiola għandu żewġ logħbiet qabel ma’ Liverpool imisshom jilgħabu d-derby f’darhom kontra Everton bħal lum ġimgħa. Jekk City jitilfu kontra Arsenal nhar l-Erbgħa u kontra Burnley nhar is-Sibt, Liverpool ikunu kkonfermati rebbieħa qabel ma jagħtu l-ewwel daqqa ta’ ballun kontra Everton.

Anka jekk City jirbħu ż-żewġ logħbiet, Liverpool għandhom bżonn biss sitt punti minn dawn l-aħħar disa’ logħbiet biex jiżguraw li t-titlu jkun tagħhoom. Żewġ rebħiet oħra Liverpool ikollhom 88 punt – il-massimu ta’ punti li jistgħu jiksbu City sal-aħħar tal-istaġun.