Ċans li l-virus tal-COVID-19 jibqa’ ħaj fuq ċerti wċuħ għal ‘28 jum’ – studju

FILE PHOTO: A woman holds a small bottle labeled with a
FILE PHOTO: A woman holds a small bottle labeled with a "Vaccine COVID-19" sticker and a medical syringe in this illustration taken April 10, 2020. REUTERS/Dado Ruvic/Illustration/File Photo

Il-virus responsabbli għall-COVID-19 hemm ċans li jibqa’ attiv u infettiv għal 28 jum minn fuq ċerti wċuħ bħal flus, screens tal-mobiles u stainless steel. Dan skont riċerkaturi tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Ixjenza tal-Awstralja. Huma ssuġġerew li l-coronavirus jista’ jibqa’ ħaj u infettiv għal perjodu itwal milli maħsub barra mill-ġisem.

Il-virus huwa trażmess l-aktar meta persuni jisgħolu, jgħatsu jew jitkellmu. Iżda esperti qed jgħidu li dan jista’ jinfirex ukoll permezz ta’ partiċelli fl-arja, kif ukoll minn fuq uċuħ tal-metall u l-plastik.

Studji preċedenti f’laboratorji sabu li l-virus jista’ jibqa’ ħaj għal jumejn jew tliet ijiem fuq karti tal-flus u ħġieġ u sitt ijiem fuq plastik u stainless steel. Madanakollu r-riżultati jvarjaw.

Il-BBC rrapporta kif l-aħħar riċerka mill-aġenzija Awstraljana CSIRO sabet li l-virus kien “estremament robust” u jista’ jibqa’ ħaj għal 28 jum fuq uċuħ lixxi bħal ħġieġa tal-iscreen tal-mobile u karti tal-flus, meta dawn jinżammu f’temperatura ta’ 20 gradi Celsius. Biex wieħed ikun jista’ jikkumpara il-virus tal-influwenza, fl-istess ċirkostanzi, jibqa’ ħaj u infettiv għal 17-il jum.

L-istudju ppubblikat fil-ġurnal Virology sab li l-virus jibqa’ ħaj għal inqas żmien fi klima aktar sħuna. Qal li l-virus jieqaf ikun infettiv fi żmien 24 siegħa fuq ċerti wċuħ meta t-temperatura tkun madwar 40 gradi Celsius.