Ċans li l-pulizija qed jiksru l-liġi – esperti

Read in English.

Il-Malta IT Law Association (MITLA) esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-pulizija pajżana li lbieraħ bdew jieħdu ritratti u filmati tad-dimostranti li nġabru fil-Belt Valletta u l-Furjana.

F’artiklu ppubblikat ilbieraħ filgħaxija, il-ġurnal Times of Malta qal li l-pulizija falliet milli tispjega r-raġuni wara dan l-aġir tal-pulizija. Madanakollu, sors mid-depot ikkonferma li bosta uffiċċjali tal-Pulizija tqabbdu jagħmlu dan minn postijiet strateġiċi.

Il-MITLA talbet lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Data (IDPC), sabiex jinvestiga dan b’mod urġenti. Dan sabiex jassigura li l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali u sensittiva mill-pulizija, f’dan iż-żmien delikat għall-pajjiż, qed isir skont il-liġi u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u l-ħelsien li wieħed jipprotesta f’demokrazija.

L-esperti qalu li l-protesti huma dritt fundamentali f’demokrazija. Insistew li l-istat ma jistax jinterferixxi fi protesti paċifiċi mingħajr raġuni valida. Qalu li l-kollezzjoni u l-ipproċessar tal-ritratti mingħajr bażi legali ġustifikata jista’ jidher bħala att ta’ intimidazzjoni.

Skont il-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza, meta wieħed jieħu ritratti u filmati ta’ dimostranti, dan ikun suġġett li jsegwi numru ta’ liġijiet u direttivi Ewropej. It-tip ta’ ritratti u filmati miġbura mill-pulizija jaqgħu taħt kategorija speċjali ta’ data personali.

Minħabba li l-istat fraġli fil-bażi tas-saltna tad-dritt (rispett lejn il-liġi) f’Malta li dejjem qed titpoġġa taħt il-lenti għal bosta kritiċi, il-MITLA qalet li tinsab inkwetata li s-salvagwardji li suppost jittieħdu meta wieħed jipproċessa informazzjoni personali mhux qed jiġu segwiti kif suppost. L-esperti rrimarkaw li minħabba f’hekk, il-ħelsien tad-dimostranti li jkunu parti minn protesta qed ikun mhedded.

Il-MITLA qalet ukoll li skont il-liġi, il-pulizija setgħu jieħdu ritratti ta’ persuni fit-toroq f’erba’ kuntesti:

  • Persuni li hemm suspetti serji fuqhom li wettqu jew li jkunu se jwettqu kriminalità
  • Persuni akkużati b’offiża kriminali
  • Vittmi ta’ offiżi kriminali, jew persuni li hemm xi dubju jew ħjiel li hemm ċans ikunu vittmi ta’ xi kriminalità
  • Terzi persuni ta’ xi offiża kriminali, bħal persuni li eventwalment jistgħu jservu bħala xhieda.

L-esperti rrimarkaw li għandhom id-dubi serji tagħhom dwar kif dimostranti fi prostesta paċifika ġew kategorizzati taħt waħda minn dawn l-erba’ kategoriji.