Ċans li l-MCAST qed jikser il-liġi

Filwaqt li l-Kulleġġ MCAST ħabbar li se jaħtar Ombudsman għall-MCAST, Artiklu 28 para. 1 u para. 2 tal-Att dwar l-Ombudsman jgħid li ħadd ma jista’ jsejjaħ lilu nnifsu Ombudsman mingħajr il-permess bil-miktub tal-Ombudsman uffiċjali.

L-Att dwar l-Ombudsman jgħid li min jikser dan l-att, ikun ħati ta’ reat u jista’ jeħel multa ta’ €230.

Fil-jiem li għaddew, l-għaqda tal-għalliema MUT uriet it-tħassib tagħha dwar dan l-uffiċċju tal-Ombudsman fl-MCAST, għaliex qalet li l-fatt li se jinħatar xi ħadd li hu diġà impjegat mal-MCAST jixhed in-nuqqas ta’ trasparenza u awtonomija li se jkun hemm f’dan l-uffiċċju.

Barra minn hekk, fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, diġà hemm Ombudsman għall-Edukazzjoni, fakkret l-MUT.

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li ħatar bord ta’ inkjesta biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li waslulu dwar abbużi “ta’ natura operattiva u amministrattiva tal-Kulleġġ,” iżda mhuwiex eskluż jekk dawn iż-żewġ każijiet humiex relatati.