Ċans li l-bajja ta’ Għar Lapsi tieħu r-ruħ

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ressaq il-proposti tiegħu dwar proġetti li jippjana li jagħmel fil-Bajja ta’ Għar Lapsi.
Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika fiċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi, is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina, semma diversi diffikultajiet li jispikkaw f’din il-bajja, filwaqt li elenka lista ta’ proġetti li l-Kunsill għandu l-għan li jwettaq.
Il-proġetti jinkludu:

  • bini mill-ġdid ta’ latrina pubblika;
  • bandli ġodda u ħolqien ta’ spazju akbar għall-familji;
  • wiċċ ġdid lit-triq li mis-Siġġiewi twassal għal Għar Lapsi;
  • titjib fil-faċilitajiet u l-ispazji li jintużaw mis-sajjieda u dawk li għandhom jew iniżżlu d-dgħajjes fil-bajja;
  • titjib fis-sigurtà u l-aċċessibilità taż-żoni għall-għawm;
  • faċilitajiet ġodda għall-għaddasa u informazzjoni dwar Filfla;
  • u għajnuna lill-komunità kummerċjali biex ittejjeb il-prodott.

Karol Aquilina semma li l-proġett se jkun iffinanzjat mill-Kunsill Lokali stess, minn fondi Ewropej, fondi mill-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA) u minn skemi oħra tal-Gvern Ċentrali.
Irrefera wkoll għal investiment ta’ €30,000 għal monument tal-artist Adrian Abela, li se jkun ispirat minn ħsejjes u l-mod kif jidhru bħala mewġ f’apparat teknoloġiku, u li mistenni jitlesta sal-2018.
Minbarra konsultazzjonijiet mal-pubbliku, il-Kunsill se jiltaqa’ mas-sajjieda, mal-għaddasa, mal-komunità kummerċjali, ma’ Transport Malta u l-MTA.