Ċans li ġġedded l-ID card qabel jibdew jitqassmu l-vawċers

Il-Gvern appella biex kull min għandu l-karta tal-identità skaduta jew irid iġedded il-permess ta’ residenza biex jagħmel dan mingħajr dewmien ma’ Identity Malta sabiex id-dettalji jkunu aġġornati għal meta jinħarġu l-vawċers.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija qal li qegħdin isiru l-preparamenti sabiex joħroġ it-tieni round ta’ vawċers għal dawk ‘il fuq minn 16-il sena sabiex tiġi ġġenerata l-ekonomija u jiġu megħjuna n-negozji l-aktar milquta minn din il-pandemija.

Il-Ministeru spjega li huwa tal-fehma li l-vawċers għandhom jinħarġu wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li, “qegħdin nikkonsultaw mal-Awtorità tas-Saħħa flimkien mal-istakeholders l-oħra, sabiex it-tieni round ta’ vawċers joħorġu meta minnhom nistgħu nieħdu l-aqwa benefiċċju.”

Din il-miżura se tkun qed tiġi implimentata wara li jintemm dan il-proċess,  u meta jkun possibbli li l-barijiet u l-każini jkunu jistgħu jiftħu wkoll, biex anke huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-inizjattiva fiskali intiża biex iddawwar ir-rota għal kulħadd.