“Ċans kbir li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika ma jsirux” – Bonnici

Read in English.

Il-President tal-Union Maltija tal-Għalliema (MUT), Marco Bonnici ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li ċ-ċirkustanzi qed juru li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika tal-aħħar tas-sena mhux se jsiru.

Bonnici spjega li l-Union ilha tqajjem kuxjenza fuq li l-għalliema fl-iskejjel sekondarji, ta’ numru ta’ suġġetti, fosthom il-Malti u l-Matematika, kienu qed jagħmlu aktar xogħol minn dak stipulat. Qal li mbagħad biex jagħmlu aktar pressjoni, f’Novembru tal-2018 ħarġet direttiva lill-għalliema taż-żewġ suġġetti sabiex dawn ma jkollhomx x’jaqsmu mal-eżamijiet.

Aqra: “Xbajna nistaqsu humiex se jsiru l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika” – omm

Għaldaqstant, fi Frar, l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika saru xorta waħda, iżda l-karti tal-eżamijiet ma sarux mill-għalliema, u baqa’ misteru min għamilhom. Dan kien jidher mill-fatt li l-karti kienu differenti minn tas-soltu, billi pereżempju l-karta tal-Matematika ma inkludietx il-komponent li jinħadem mingħajr calculator, u l-karta tal-Malti ma kellhiex letteratura inkluża fiha, u kellha minflok żewġ eżerċizzji ta’ fehim it-test.

“Il-laqgħa mall-Ministeru ma għamlitx frott”

Bonnici kompla jgħid ma’ Newsbook.com.mt li wara kuntatt kostanti mal-għalliema membri tiegħu, attenda għal laqgħa mall-Ministeru għall-Edukazzjoni li saret nhar il-Ġimgħa. Madanakollu l-laqgħa ma wasslet għall-ebda tip ta’ riżultat pożittiv. Qal li se terġa’ ssir laqgħa għada iżda ma għandux tama li din se twassal għal ftehim li jwassal sabiex isiru l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena għal dawn iż-żewġ suġġetti.

X’se jagħmlu l-istudenti mingħajr eżamijiet?

Meta mistoqsi x’se jiġri mill-istudenti hekk kif jidher li l-eżamijiet mhux se jkunu qed isiru, Bonnici qal li huma se jipprogressaw għas-sena ta’ wara skont ir-riżultati li kisbu fl-eżamijiet ta’ nofs is-sena.