Ċans inqas tikri kamra fuq AirBnB jekk ismek jinstema’ Afrikan

Ismijiet li jistgħu jkunu ta’ persuni b’karnaġġjon skura qed jiġu diskriminati kontra meta jiġu biex jibbukkjaw kamra fuq il-websajt AirBnB.
Studju li sar mill-Università ta’ Harvard jindika li iktar minn 6,000 persuna li għandhom kamra jew dar għall-kiri fl-Istati Uniti fuq dan is-sit, taw risposta negattiva meta raw li l-isem ta’ min qed jistaqsi nstema’ qisu wieħed Afrikan.
Min-naħa l-oħra, ismijiet li jinstemgħu aktar li huma ta’ persuni bojod bħal Brad u Kristen, għandhom 16% ċans iktar li jiġu aċċettati biex jikru kamra.
Fi stqarrija l-kumpanija AirBnB ammettiet li għandha sfidi sostanzjali dwar din il-kwistjoni ta’ razziżmu, tant li stiednet lil kull min jista’ jgħinha biex din is-sitwazzjoni titjieb.
AirBnB toffri servizz ta’ akkomodazzjoni onlajn lill-persuni li jridu jikru kmamar jew xi propjetà għall-vaganza. Is-sit għandu iktar minn żewġ miljun propjetà f’iktar minn 190 pajjiż.