​Ċans ieħor jekk trid teħles mill-karozza

Transport Malta ħabbret li se terġa’ tiftaħ l-iskema favur ix-xiri ta’ vetturi li jużaw fuel u elettriku f'daqqa (ibridi) għat-tielet darba.
Fi stqarrija, TM qalet li €100,000 se jkunu allokati għal din l-iskema.Spjegat li l-applikazzjonijiet għall-għotja se jiġu pproċessati fuq bażi ta’ min japplika l-ewwel jinqeda l-ewwel.
L-Awtorità saħqet li l-inizjattiva hija maħsuba biex tħeġġeġ lin-nies jeħilsu mill-vetturi antiki u jinvestu f’karozzi ġodda b’inqas emissjonijiet.  Skont TM, diġà bbenefikaw 100 vettura minn din l-iskema wara li tqassmu €200,000.
Skont numru ta’ kundizzjonijiet, €2,000 se jingħataw meta wieħed jirreġistra vettura ibrida, tal-kategorija M1, b’emissjonijiet bejn il-51 u 65g/km, waqt li titneħħa r-reġistrazzjoni ta’ vettura fl-istess kategorija.
Transport Malta qalet ukoll li l-iskema biex tħajjar ix-xiri ta’ vetturi oħra M1, għadhom japplikaw:

  • €700 jew €900 jingħataw max-xiri ta’ vettura ġdida fil-kategorija M1
  • €3,000 meta tiġi reġistrata vettura M1 ibrida plug-in b’emissjonijiet bejn 0 – 50g/km

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 8007 2393 jew inkella jagħfas hawn.