Ċans għal €2,000 u safra fl-Awstrija għaż-żgħażagħ li jikkompetu

Żgħażagħ Maltin u Għawdxin li għandhom 19-il sena jew anqas, jistgħu jirbħu €2,000 kif ukoll safra lejn l-Awstrija.
Dan billi jipparteċipaw fil-kompetizzjoni bl-isem ta’ U-19 ‘Create Your World’ organizzata minn Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Prix Ars Electronica Festival f’Linz, l-Awstrija, kif ukoll maċ-Ċentru Nazzjonali Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora.
Iż-żgħażagħ jistgħu jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni kreattiva, fejn għandhom iċ-ċans li jesebixxu x-xogħlijiet u l-kreattività tagħhom.
Ix-xogħlijiet jistgħu jieħdu diversi forom, fosthom dawk tal-arti diġitali, il-mekkanika, it-teknoloġija, id-disinn tal-kompjuters, il-mużika, proġetti soċjali, u anke ideat futuristiċi dwar id-dinja.
Ix-xogħlijiet għandhom jiġu sottomessi onlajn fuq http://u19-malta.aec.at/, flimkien ma’ deskrizzjoni dettaljata dwar kull proġett bl-Ingliż.
Il-proġetti se jiġu ġġudikati minn membri tal-ġurija barranin. Jistgħu wkoll jipparteċipaw gruppi, sa massimu ta’ tmien persuni.
Is-sottomissjonijiet huma milqugħa sat-Tnejn 30 ta’ April, 2018. Se jkun hemm ukoll sessjonijiet ta’ informazzjoni għal żgħażagħ imħajrin li japplikaw.
Ir-rebbieħa Maltin se jkunu l-mistiedna tal-unuri għal ċerimonja speċjali li matulha jingħataw il-premjijiet rispettivi. F’Settembru, l-istess rebbieħa jivvjaġġaw lejn Linz, fl-Awstrija, sabiex jattendu għall-Ars Electronica Festival, 2018.
Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org.