Ċans biex tirranġa l-firilla jew il-luzzu

Il-Gvern nieda l-iskema biex is-sajjieda jirrestawraw id-dgħajes tal-injam.

F’ittra li ntbagħtet lill-ħaddiema mid-Direttur Ġenerali għas-Sajd u l-Akwakultura ntqal li s-sajjieda jistgħu japplikaw biex jirrestawraw erba’ tipi ta’ dgħajjes tal-injam fosthom Firilla, Frejgatina, Kajjik jew Luzzu.

L-għan tal-iskema hu li tagħti għajnuna finanzjarja lis-sajjieda biex tgħinhom fir-restawr, tiswija jew il-preservazzjoni tad-dgħajjes tradizzjonali tal-injam. Il-Gvern speċifika li d-dgħajsa trid tkun inbniet fis-sena 2007 jew qabel u jridu jkunu rreġistrati fil-kategoriji professjonali MFA jew MFB.

Is-sapport finanzjarju massimu jvarja bejn €1,300 u €2,700 f’żewġ kategoriji differenti. L-ispejjeż jistgħu biss jingħataw jekk is-sajjieda jipprovdu l-irċevuti fiskali għax-xogħlijiet li jkunu saru fuq id-dgħajsa. Dawk is-sajjieda interessati għandhom jimlew il-formola mibgħuta lilhom id-dar sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Diċembru li ġej.

X’inhi firilla?

Opra tal-baħar ftit iżgħar minn luzzu. Il-poppa u l-pruwa jkunu ġejjin it-tnejn għall-ponta. Tintuża ħafna għas-sajd mhux bogħod mill-art, fid-daħliet u l-portijiet u billi tkun baxxa mill-ġnub, is-sajjied ikun qrib ħafna ma’ wiċċ l-ilma.