Ċans biex tgħid tiegħek dwar is-saħħa f’Malta

DOI Clifton Fenech

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nieda konsultazzjoni pubblika dwar Strateġija Nazzjonali tas-Saħħa għal għaxar snin bejn l-2020 u 2030. Fit-tnedija ta’ din il-konsultazzjoni l-Ministru Fearne qal li l-qasam tas-saħħa mentali se jkun qed jingħata prijorità ewlenija.

Fearne fisser il-problema tas-saħħa mentali bħala waħda li tolqot ħafna aktar nies milli forsi hawn min jaħseb. Qal li l-problemi tas-saħħa mentali jvarjaw fil-gravità tagħhom u jistgħu jwasslu anke għall-mewt, fosthom b’suwiċidju.

DOI Clifton Fenech

Huwa qal ukoll li l-medja ta’ suwiċidji f’Malta hija ta’ tnejn kull xahar u hija inqas mill-medja Ewropea, imma hija kbira biżżejjed biex il-Gvern ikompli jaħdem biex anqas nies jirrikorru biex itemmu ħajjithom.

Sostna li kien ilu jinħass li wasal iż-żmien għal pjan strateġiku, dettaljat u ħolistiku. Dan filwaqt li qal li jrid ikun hemm direzzjoni, pjan, timelines u riżorsi u huwa għalhekk li nħasset il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni għal strateġija nazzjonali.

Stqarr li s-sehem tal-għaqdiet non governattivi se jibqa’ essenzjali wkoll u l-pjan jaħseb biex dawn ikomplu jagħtu kontribut b’mod ppjanat u bħala parti integrali minn l-istrateġija kollha.

Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Frar li ġej.