Ċans biex il-kitba tiegħek tiġi ppremajata

Aqbad il-pinna, esprimi ruħek, u x-xogħol tiegħek jista’ jiġi ppremjat kif ukoll ikun fuq ktejjeb li jitqassam b’xejn lill-pubbliku.

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun għal darb’ oħra qed jorganizza l-Konkors Letterarju  Annwali, konkors li jagħti ċans lil kulħadd minn tfal sa adulti biex jieħdu sehem u jesprimu l-ħsibijiet tagħhom permezz tal-kitba. 

Dan il-Konkors hu maqsum f’erba’ kategoriji: rakkont bid-djalett Żejtuni, poeżija ġenerali mill-adulti, rakkont ġenerali, u kategorija għat-tfal u ż-żgħażagħ sa 18-il sena li jistgħu jissottomettu rakkont jew poeżija ġenerali. Ir-Rakkont din is-sena jista’ jkun dwar it-triq jew l-inħawi partikolari fiż-Żejtun (il-ħajja tat-triq fl-imgħoddi), il-Knisja Parrokkjali – 300 sena mit-tlestija, il-ġawhar taż-Żejtun li jagħmluha bħala Belt Turistika, jew rakkont iddettaljat dwar personalità miż-Żejtun.

Dan il-Konkors Letterarju apparti li jagħtik opportunità biex tepsrimi ruħek bil-kitba tiegħek, dawk li jiġu l-ewwel post fil-kategorija jirbħu premju ta’ €50. Il-parteċipant li jiġi fl-ewwel post tar-rakkont bid-djalett jirbaħ ukoll il-Premju Lino Psaila, filwaqt dak il-parteċipant li jġib l-ogħla punteġġ fil-poeżija jirbaħ il-Premju Frans Baldacchino (il-Budaj). Il-parteċipanti kollha jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni. 

Is-sottomissjonijiet iridu jaslu għand il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u/jew permezz ta’ e-mail fuq chircop.sean@gmail.com sa mhux aktar tard mis-Sibt 22 ta’ Frar 2020. Kull individwu jista’ jissottometti sa żewġ xogħlijiet letterarji u kull sottomissjoni hi bla ħlas. Kull kitba tiġi eżaminata minn ġurija esperta.

L-aqwa kitbiet sottomessi jinqraw waqt is-serata ta’ Ġieħ iż-Żejtun, li ssir f’Jum il-Kunsill, il-Ħamis,19 ta’ Marzu, 2020. Il-kitbiet li jilħqu l-kriterji mixtieqa jiġu ppubblikati fi ktejjeb li dan jitqassam b’xejn lill-pubbliku. 

Biex tikseb aktar informazzjoni tista’ wkoll iċċempel lill-Kunsill Lokali taż-Żejtun fuq 2166 3866 jew tibgħat e-mail fuq chircop.sean@gmail.com