Canale 5 joħroġ il-kanuni

L-istaġun tas-sajf kien wieħed ta’ suċċess għall-istazzjon televiżiv Canale 5 tal-Mediaset. Infatti rriżulta li mqabbel mas-sena l-oħra fl-Italja dan l-istazzjon żied l-udjenzi bi ftit aktar minn 14%. Dan il-fatt jawgura tajjeb għal Mediaset li fil-mira tiegħu għandu li jkompli jsaħħaħ l-udjenzi tiegħi fl-iskeda tal-ħarifa li tibda proprju minn għada l-Ħadd 15 ta’ Settembru.

Fil-kummenti tiegħu, Pier Silvio Berlusconi, iben Silvio Berlusconi, li huwa maħtur bħala l-amministratur tal-Mediaset, indika li l-pass li jmiss huwa l-proġett ‘7 su 7’. Għal min forsi jitħasseb dan xi  jfisser, ngħidulkom li l-Mediaset daħal għal investiment finanzjarju kbir biex mill-ġimgħa d-dieħla jwassal programmi oriġinali u b’saħħithom għal kull serata ta’ matul il-ġimgħa. B’dan il-mod il-Canale 5 qiegħed joħroġ il-kanuni tiegħu fuq l-istazzjon nazzjonali Rai Uno u fil-ġranet li ġejjin inkunu nafu jekk il-viżjoni ta’ Pier Silvio Berlusconi hix se sseħħ tassew.

Ritratt: Mediaset

Fl-iskeda ta’ għada l-Ħadd 15 ta’ Settembru, fid-9.20pm, Canale 5 se jippreżenta staġun ġdid ta’ Live! Non è la D’Urso, fejn il-preżentatriċi popolari tal-Mediaset Barbara D’Urso se tkun mill-ġdid tmexxi programm fejn mhux se tiddejjaq taffronta mistiedna bi stejjer pjuttost kontroversjali, bħalma kien il-każ tal-iskandlu ta’ Pamela Prati fl-ewwel skeda tal-programmi tagħha qabel is-sajf.

Ritratt: Mediaset

It-Tnejn imbagħad, dejjem fid-9.20pm, Alessia Marcuzzi tkompli għaddejja bir-reality show Temptation Island VIP filwaqt li fil-jum tat-Tlieta fid-9pm, tintwera partita f’xandira diretta miċ-Champion’s League bejn Napoli u l-Liverpool.

AQRA: Ir-RAI tilfu ċ-Champions League

Nhar l-Erbgħa u nhar il-Ġimgħa fid-9.20pm, Canale 5 se jxandar l-ewwel żewġ puntati tat-tieni staġun ta’ Rosy Abate, sensiela mimlija azzjoni. Se nkunu qed naraw ma’ xix tħabbat wiċċha issa f’dawn il-puntati Rosy Abate, mlaqqma r-Reġina ta’ Palermo. Il-puntati mbagħad se jibqgħu jkomplu mill-ġimgħa ta’ wara, l-Ġimgħa filgħaxija.

Ritratt: Mediaset

Il-Ħamis fid-9.20pm ikun imiss lil Ilary Blasi u lil Alvin biex jippreżentaw l-ewwel serata minn EuroGames, verżjoni moderna tal-programm ferm popolari Giochi Senza Frontiere.

AQRA: Giochi Senza Frontiere se jsir Euro Games

Is-Sibt imbagħad il-programm tant mistenni Amici Celebrities fejn personalitajiet magħrufa se jkunu qed jikkompeti f’oqsma tal-ispettaklu li ssoltu mhux komdi fiha. Se tkun Maria De Filippi li fl-ewwel puntata tgħaddi tmexxija tal-programm f’idejn Michelle Hunziker.

AQRA: Filmat: Ara min se jieħu sehem f’Amici Celebrities

Dawn kollha minbarra d-diversi programmi oħra li l-Canale 5 se jkun jippreżenta fiż-żmien li ġej, fosthom it-tielet staġun ta’ L’Isola di Pietro u Grande Fratello.

AQRA: Morandi mill-ġdid attur; iżda mingħajr Lorella Cuccarini!

Jidher li se jkun diffiċli għall-istazzjon tar-RAI biex iħabbatha mal-Canale 5 matul dan l-istaġun.