Camini…amo b’donazzjoni ta’ €7,000 għal Caritas Malta

Il-grupp ta’ Pellegrini ta’ Camini…amo taw donazzjoni ta’ €7,000 lil Caritas Malta.

Fi stqarrija ta’ Caritas Malta kien spjegat li Camini…amo huwa grupp ta’ Pellegrini li ngħaqqdu flimkien biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom li jimxu dan il-pellegrinaġġ sal-Katidral ta’ Santiago de Compostela fi Spanja. Waqt il-preparazzjoni għal dan il-vjaġġ persuna tidħol għal dan l-impenn li tagħti ħin volontarju. L-esperjenza tal-volontarjat flimkien mal-pellegrinaġġ jgħin persuna biex issib iktar lilha nnifsha. Dan il-vjaġġ jibda fil-mument li wieħed jaċċetta li se jidħol għal din l-isfida. Din l-avventura bdiet f’Ottubru 2019 bi pjan li l-vjaġġ lejn Spanja jsir f’Mejju 2020.

Għal sena oħra t-team ta’ Camini…amo għażel lil Caritas Malta bħala l-entità li tibbenifika minn din il-ħidma, bl-isfortuna li din is-sena, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 il-vjaġġ kellu jiġi kkanċellat. Dan ġab miegħu ħafna sfidi lill-membri tal-kumitat li kienu diġà bbukkjaw u ħallsu depositu ta’ flus fuq diversi postijiet fejn madwar 60 pellegrin kienu se jalloġġaw matul il-mixja fi Spanja.

Kien spjegat li minbarra d-donazzjoni sabiħa ta’ kważi €7,000, kien hemm ħidma kbira volontarja tal-fuq minn 500 siegħa li l-pellegrini għamlu lil Caritas Malta. Dan kien jikkonsisti f’għajnuna waqt l-ikla tal-Milied tal-2019 u diversi ġimgħat ta’ għajnuna minn persuni pellegrini fil-ħidma ta’ Dar Papa Franġisku ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Numru ta’ persuni vvolontarjaw ukoll biex ikunu parti mit-team ta’ Djakonija ta’ Caritas Malta fejn waqt il-pandemija kienu jitqassmu madwar 800 ikla kuljum ippreparata minn The Alfred Mizzi Foundation. Saru wkoll diversi ħidmiet mar-residenti fil-komunità ta’ San Blas fi tħawwil ta’ 50 siġra u xogħol ieħor ta’ tisbiħ tal-post. Dawn is-sigħat ma jinkludux is-sigħat twal ta’ ħidma bla waqfien tal-kumitat organizzattiv li minbarra l-loġistika, jieħdu ħsieb li jħarrġu lill-pellegrini f’mixjiet f’Malta ta’ kull ġimgħa bi preparazzjoni għal meta jmorru barra.

Id-direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, awgura ħafna iktar ħidma fil-qasam soċjali minn persuni li lesti jiddedikaw ħinhom għal ħaddieħor. “Dawn il-pellegrini komplew juru l-altruwiżmu tagħhom, li għalkemm saru jafu li l-vjaġġ tagħhom kien se jitħassar, il-ħidma tagħhom volontarja ma’ Caritas Malta intensifikat f’dawn iż-żminijiet straordinarji tal-pandemija, dan fl-istess waqt li nġabret minnhom somma tant sabiħa,” temm jgħid id-direttur ta’ Caritas Malta waqt preżentazzjoni tad-donazzjoni mill-kumitat ta’ Camini…amo fil-binja proviżorja ta’ Caritas Malta f’Santa Venera.