Camilleri ta’ Sannat Lions b’sospensjoni ta’ tliet snin

Anthony Cassar

Antoine Camilleri ta’ Sannat Lions ingħata sospensjoni ta’ tliet snin wara li refa’ idu fuq l-assistant referee Andrea Pavia. L-Għawdxi ta’ 26 sena, residenti ż-Żebbuġ, kien tressaq quddiem il-Maġistrat Simone Grech akkużat li f’logħba futbol fil-grawnd tal-Kerċem, qal kliem ta’ theddid u weġġa’ lill-vittma tant li dan kellu jiddaħħal l-isptar. Huwa kien qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Dakinhar il-partitarji tal-klabb tal-futbol Sannat Lions FC beżqu lir-referee li spiċċa mimdud mal-art wara li ġie attakkat minn plejer tal-istess klabb, skont l-Assoċjazzjoni tar-Referees tal-Futbol Malti (MFRA).

 

Dwar l-attakk vjolenti fuq wieħed mill-uffiċjali tal-Malta FA Bjorn Vassallo qal li jqisu bħala offiża serja ħafna. Qal li jqisha daqslikieku kien każ ta’ korruzzjoni. L-inċident iħalli impatt negattiv u jixħet dawl ikrah fuq il-logħba tal-futbol.

Is-sit maltafootball.com ippubblika lista ta’ sospenzjonijiet. Camilo del Castillo Escobar ta’ Santa Lucia ġie sospiż għal żewġ logħbiet. Seba’ plejers oħra li jilagħbu fil-Premier League ġew sospiżi għal logħba waħda mill-Kummissarju Dixxiplinarju tal-MFA wara l-logħob li ntlagħbu fi tmiem il-ġimgħa.

Amadou Samb (Gżira), Mattia Cinquini (Ħamrun), Dexter Xuereb (Mosta), Jackson David Usuga Mendoza (Santa Lucia), Adrian Borg (Sirens), Claudio Pani (Sliema) u Steve Borg (Valletta) ġew sospiżi għal logħba waħda.

Escobar se jkun qed jitlef il-logħob kontra Gżira u Gudja. Mendoza u Samb ukol se jkunu qed jitilfu l-logħba bejn Gżira u Santa Luciaa. Cinquini se jaqbeż il-logħba kontra Gudja; Xuereb u Borg se jitilfu l-logħba bejn Sirens u Mosta u Pani u Borg se jitilfu l-logħba ta’ Valletta kontra Sliema.

Il-coach ta’ Floriana Vincenzo Potenza u l-coach tal-gowlers ta’ Birkirkara Sean Cini se jitilfu żewġ logħbiet. Il-coach tal-gowlers ta’ Sliema Mark Vella ġie sospiż ukoll għal logħba waħda.

Mill-ewwel diviżjoni, Steven Schembri (Qrendi) ġie sospiż għal tliet logħbiet. Philip Chircop (Fgura), Erjon Beu (Lija), Daren Falzon (Naxxar), Ishaya Irimiya Jalo (Pieta’), Michael Borg (Qormi), Beppe Muscat u Emerson Vella (Qrendi) kif ukol Aaron Hili (St. Andrews) ingħataw sospenzjoni ta’ logħba. L-uffiċjal ta’ Pieta’ Hotspurs Kurt Gatt ġie sospiż għal sitt logħbiet.

Fit-tieni diviżjoni, Matthew Camilleri (Kalkara) u Melvin Busuttil (Marsa) ġew sospiżi għal logħba waħda. L-uffiċjal tal-Marsa George Attard ġiet sospiż għal erba’ logħbiet.