Camilleri minflok Fearne jirtira l-mozzjoni għat-tneħħija ta’ Mizzi

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ressaq mozzjoni f’isem il-Gvern li biha rtira l-mozzjoni li tressqet ilbieraħ. Din il-mozzjoni kienet dwar in-nomina ta’ Konrad Mizzi  bħala l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.

Normalment, mozzjoni ta’ dan it-tip titressaq mil-Leader of the House, jiġifieri mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Persuni midħla tal-proċedura Parlamentari qed jgħidu li fiċ-ċirkostanzi huwa stramb ħafna li ma kienx Chris Fearne li ressaq il-mozzjoni biex tiġi irtirata l-mozzjoni tal-bieraħ.

L-MPs fuq in-naħa tal-Gvern qablu li jinnominaw għal dan l-irwol lil Jean-Claude Micallef.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius talab spjega wara li l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li l-irtirar tal-mozzjoni kien konformi mal-istanding orders. L-insistenza ta’ Agius għal spjega xierqa wasslet għal għagħa mill-Ministru Michael Farrugia, li ssikket mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

L-Ispeaker imbagħad enfasizza li l-mozzjonijiet jistgħu jiġu rtirati bi qbil tal-Kamra tar-Rappreżentanti, u li l-Oppożizzjoni tista’ tinsisti li jittieħed vot jekk toġġezzjona għall-irtirar. Fl-istess waqt stqarr li ma jarax għaliex dan għandu jsir, la kienet l-Oppożizzjoni li kienet fuq quddiem nett biex toġġezzjona.

Fl-aħħar, il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-MPs tal-Gvern iddiskutew din il-kwistjoni lbieraħ u li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar in-nomina ta’ Mizzi għal dan l-irwol fl-OSCE.

It-Tlieta waranofsinhar Newsbook.com.mt irrapporta li skont sorsi qrib il-Gvern, kien il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu li nnomina lil Konrad Mizzi f’dan l-irwol. L-istess sorsi qalu li kien ukoll il-PM Abela li personalment għażel lill-Membri Parlamentari Laburisti li ngħataw irwoli oħra.